Friday, November 1, 2024

UNL tan-Nisa: Malta tegħleb lil Andorra b’hat-trick ta’ Haley Bugeja

Aqra wkoll

Andorra…………….0

Malta…………………3

Malta kompliet tikkonsolida postha fil-quċċata ta’ Grupp C tal-UEFA Women’s Nations League bi 12-il punt minn erba’ logħbiet, meta barra minn darha għelbet lil Andorra bl-iskor ta’ 3-0, bil-protagonista assoluta għal pajjiżna tkun Haley Bugeja li rreġistrat hat-trick personali lejn tmiem l-ewwel taqsima.

B’hekk, il-player ta’ Inter fl-Italja, kompliet tikkonsolida postha fil-quċċata tal-klassifika tal-aqwa skorers ta’ din il-kompetizzjoni bi tmien goals. Wara r-rebħa kbira ta’ 5-0 kontra l-istess Andorra, nhar il-Ġimgħa li għadda, dan ir-riżultat fisser li Malta skorjat xejn inqas minn tmien goals kontra l-istess Andorra u ma sofriet l-ebda goal f’żewġ logħbiet. Rimarkabbli, huwa l-fatt ukoll li sa issa fl-istess kompetizzjoni, Malta skorjat 11-il goal u ma sofriet l-ebda goal.

Il-Maltin fetħu l-iskor fis-36 minata meta Rachel Cuschieri għaddiet tajjeb lejn Haley Bugeja li minn pożizzjoni ideali, tefgħet ġewwa. Huma komplew fuq l-offensiva u fl-40 minuta, irduppjaw l-iskor meta Maria Farrugia serviet lil Haley Bugeja li b’xamma kbira għall-goal tefgħet ġewwa.

Fit-42 Malta rebħet penalty meta Luna Marcet Vazquez waqqgħet lil Haley Bugeja fil-kaxxa. Mill-11-il metru, inkarigat ruħha l-istess Haley Bugeja li ma żbaljatx biex b’hekk irreġistrat hat-trick personali f’temp ta’ seba’ minuti.

Bir-rebħa diġá assigurata, fit-tieni taqsima, Malta naqset ftit mir-rendiment tagħha u kompliet tamministra l-vantaġġ komdu li kellha sa tmiem il-partita.

Malta: 1-Janice Xuereb, 16-Charlene Zammit, 5-Stephania Farrugia, 4-Emma Lipman, 3-Ann-Marie Said (18-Emma Xuereb 72), 21-Nicole Sciberras, 17-Brenda Borg (15-Veronique Mifsud 85), 8-Rachel Cuschieri (6-Dorianne Theuma 63), 21-Haley Bugeja, 7-Ylenia Carabott (11-Kailey Willis 63), 10-Maria Farrugia (9-Alishia Sultana 72) Coach: Manuela Tesse

Skorers: H. Bugeja 36, 40, 43 (M)

Ammoniti: L. M. Vazquez, M. Da Cruz (A), R. Cuschieri (M)

Sport