Thursday, March 28, 2024

“Unur kollettiv li jfisser ħafna għalina li nagħmlu ħilitna fl-Emerġenza”

Aqra wkoll

“B’dak li seħħ illum, l-impenn u l-isforzi ta’ dawk kollha li jipprovdu servizzi fid-dipartiment tagħhom ġew rikonoxxuti fuq livell nazzjonali.”

Hekk qal it-Tabib Michael Spiteri li llum ġie onorat għax-xogħol distint tiegħu bħala tabib partikolarment fl-emerġenza medika hekk kif ingħata l-Ordni Nazzjonali tal-Meritu. 

Sa mis-sena elfejn, Spiteri pprovda servizzi mediċi professjonali fi ħdan id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar San Luqa u Mater Dei. 

Għal dawn l-aħħar ħames snin, huwa okkupa l-kariga ta’ Clinical Chairperson tal-imsemmi dipartiment u mexxa tim kbir ta’ professjonisti f’diversi sitwazzjonijiet diffiċli li jinkludu anke l-pandemija attwali tal-COVID-19.

Spiteri qal li mhux normali li jkun bla kliem, iżda onestament jinsab tassew onorat bir-rikonoxximent tal-lum għax wara kollox dan huwa unur kollettiv li jfisser ħafna għalihom li jaħdmu sigħat twal u jagħmlu ħilithom fl-Emerġenza.

F’dan ir-rigward huwa qal li dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna tat-tim fenomenali fid-dipartiment tal-Emerġenza u l-112 Emergency Medical Services.

Qal li avvenimenti bħal tal-lum jagħtihom l-enerġija biex ikomplu jaħdmu hekk kif qal li t-triq li għandhom quddiemhom mhix faċli u se jkollhom ħafna x’jitgħallmu.

Ma naqasx milli jirringrazzja lill-familja kollha tiegħu u dawk il-ħbieb speċjali għall-appoġġ, il-paċenzja kbira u l-pariri kollha tagħhom.

Filwaqt li rringrazzja lill-popolazzjoni Maltija tar-rikonoxximent mogħti, qal li jinsabu onorati u qal lill-pubbliku biex meta d-darba li jmiss jaraw id-dwal tagħhom blu jteptpu, jew ikollhom bżonn imorru f’Dipartiment tal-Emerġenza, jiftakru li wara dan kollu hemm familja li tagħti każ u tieħu ħsieb.

Ekonomija

Sport