Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li l-Kantilena ta’ Pietru Caxaru li tifforma parti mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u li tinsab fl-Arkivju tar-Reġistri Notarili, ġiet uffiċjalment inkluża fil-Memory of the World Register tal-UNESCO.
Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Dan huwa ġieħ mhux biss għad-dokument innifsu imma wkoll għall-ilsien Malti u l-wirt letterarju u kulturali ta’ pajjiżna, hekk kif issa l-Kantilena tingħaqad ma’ lista internazzjonali ta’ dokumenti li għandhom valur universali għall-umanità kollha.”
Din l-aħbar ħarġet wara proċess metikoluż u tekniku li beda f’Novembru tal-2023, meta l-Arkivji Nazzjonali ħejjew u ssottomettew l-applikazzjoni permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Maltija għall-UNESCO. Dan il-proċess kien ilu jinħadem għal aktar minn sena u nofs u jirrifletti dedikazzjoni bla qies lejn il-preservazzjoni tal-wirt tagħna.
“Nirringrazzja lill-persuni kollha li taw sehemhom f’din l-inizjattiva, minn dawk li ħadmu fuq l-applikazzjoni sal-professjonisti li b’passjoni u kompetenza jkomplu jħarsu dan it-teżor nazzjonali fil-kollezzjoni tal-Arkivji Nazzjonali. Dan huwa mument ta’ unur u għarfien li jikkonferma l-valur storiku u lingwistiku tal-Kantilena, u jsaħħaħ il-post tal-lingwa tagħna l-Maltin fuq livell internazzjonali,” żied jgħid il-ministru
Il-Kantilena hija l-eqdem xogħol letterarju bil-lingwa Maltija li qatt ġie skopert u tmur lura għall-perjodu aħħari tas-seklu ħmistax.
Din il-poeżija mill-isbaħ kienet instabet minn Fsadni u Wettinger lura fl-1966.