Sunday, November 24, 2024

Valletta St Paul’s jirbħu l-Joe Compagno Cup

Aqra wkoll

Valletta St Paul’s kisbu l-ewwel unur tal-istaġun 2024/25 tal-MAFA wara li rebħu l-Joe Compagno Cup. Huma għelbu lil San Ġiljan Saints 1-0 sabiex komplew bil-konsistenza tagħhom b’aktar rebħ tat-trofej hekk kif fl-istaġun li għadda kisbu t-treble.

Kienet logħba li laqqgħet liċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni kontra l-finalisti tal-MAFA KO. Il-partita ma laħqitx xi livell ta’ barra minn hawn, b’Valletta li bdew jiddominaw il-pussess u b’San Ġiljan li bdew joperaw bil-kontrattakki.

Il-gowl li ddeċieda l-konfront ġie skorjat fit-28 minuta meta kien Mamadou Jallow li avvanza mil-lemin u kkrossja tajjeb lejn l-iżmarkat Elton da Silva li b’xutt fil-baxx għeleb lil Marlon Binot.

San Ġiljan ippruvaw joħolqu xi okkażjonijiet lejn il-lasti Beltin iżda rari impenjaw lill-goalkeeper Matthew Camilleri sabiex mat-tisfira tar-referee Igor Kankarash, huma setgħu jiċċelebraw dan l-ewwel suċċess tagħhom.

Fi tmiem il-konfront, il-viċi-president tal-MFA Adrian Casha ippeżenta t-tazza lill-captain ta’ Valletta St Paul’s Leandro Camilleri.

Sport