Sunday, December 22, 2024

Varati tliet proġetti ġodda bit-teknoloġija blockchain fis-settur pubbliku

Aqra wkoll

Wara li fl-2019 il-gvern nieda l-istrateġija tiegħu fis-settur tad-‘distributed ledger technology’, illum kompliet tiġi implimentata din l-istrateġija billi ġew imnedija tliet proġetti ġodda li jagħmlu użu mit-teknoloġija blockchain. Din it-teknoloġija tikkonsisti f’sensiela ta’ networks protetti. L-industrija u ċ-ċittadini ser ikunu qegħdin igawdu tisħiħ fil-kwalità u s-sigurtà tas-servizz. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt konferenza tal-aħbarijiet imnedija mill-Malta Digital Innovation Authority (MDIA).

Il-Ministru Silvio Schembri qal li l-ewwel proġett huwa mmexxi mid-Dipartiment tal-Kummerċ fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija. Dan se jara li d-diġitalizzazzjoni tad-dokumenti uffiċjali li jikkonċernaw id-drittijiet tal-proprjetà industrijali (trademarks, disinji, patents) ikunu rreġistrati fuq networks diġitali protetti. B’hekk, l-iżviluppatur ikollu rasu mistrieħa li l-ownership, it-titlu u l-valur kummerċjali ta’ dik l-idea jkunu tiegħu biss. Din is-sistema twassal biex ir-rekords oriġinali jkunu dejjem fil-pussess tas-sid li jkun jista’ jikkontrolla kif jintużaw.

Il-ministru qal li t-tieni proġett jirrigwardja proposta li qed tiġi mmexxija mill-Ministeru għal Għawdex, u spjega li l-gżira Għawdxija hija magħrufa għall-prodotti ġenwini magħmula f’Għawdex stess. Permezz ta’ dan il-proġett, li qed isir permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-MDIA, bl-użu tal-bockchain, il-prodott Għawdxi ser ikun stampat b’mod diġitali matul iċ-ċiklu tal-manifattura tiegħu u b’hekk il-proċess ikun dokumentat fis-sistema. L-informazzjoni kollha ser tkun iċċertifikata b’mod diġitali billi tkun marbuta ma’ tikketti jew stickers fiżiċi li jinġarru mill-prodotti nfushom. Meta l-konsumatur jiskennja l-QR Code tal-prodott permezz ta’ smartphone, jirċievi prova u assigurazzjoni li l-prodott verament ġie magħmul f’Għawdex, u li ma kienx hemm xi forma ta’ falsifikazzjoni. 

It-tielet proġett ser jara t-tisħiħ tal-Awtorità tal-Ippjanar permezz tal-blockchain. Il-Ministru Silvio Schembri spjega li ser jissaħħaħ il-livell ta’ sigurtà għal dokumenti tant sensittivi. Huwa kompla jgħid li dan ser itejjeb il-proċess ta’ trasparenza, għaliex jekk ikun hemm tibdil fl-informazzjoni fis-sistema tad-data tal-Awtorità tal-Ippjanar, din il-bidla tiġi mmarkata minħabba li jkun hemm nuqqas ta’ qbil f’dak li ġie rreġistrat fis-sistema tal-blockchain pubblika.

Il-Ministru Schembri spjega li l-blockchain, għall-kuntrarju ta’ dak li wieħed jista’ jaħseb, jmur oltre mill-cryptocurrencies. Il-blockchain hija teknoloġija li tista’ tintuża f’ħafna aspetti, kif qed naraw permezz ta’ dawn it-tliet servizzi ġodda. Il-blockchain innifisha hija teknoloġija li permezz tal-mod ta’ kif  hi mibnija toffri sigurtà, iktar effiċjenza, viżibilità u immutabilità – li jfisser li t-tranżazzjonijiet li jkunu rreġistrati fuq il-blockchain ma jkunux jistgħu jiġu mbagħbsa. Dawn it-tliet proġetti li huma mibnija fuq il-blockchain kollha jixhdu l-benefiċċji li ġġib magħha din it-teknoloġija, fit-trasparenza u l-verifikazzjoni. Il-ministru semma wkoll li anke fuq is-settur tal-virtual currencies, Malta għamlet avvanzi kbar. Fi stqarrija li ħarget l-Awtorità ghas-Servizzi Finanzjari (l-MFSA) ħabbret li sal-lum diġà hemm 40 kumpanija jew service providers liċenzjati li joperaw fis-settur tal-Virtual Financial Assets filwaqt li qiegħda tipproċessa 306 applikazzjoni oħra.

Il-Ministru Schembri semma wkoll li l-ġimgħa d-dieħla ġewwa pajjiżna se tittella’ fiera internazzjonali mis-settur privat, liema fiera ser ikunu qegħdin jesebixxu fiha madwar 600 kumpanija li jvarjaw minn startups, kumpaniji tal-gaming, tal-blockchain, intelliġenza artifiċjali u oħrajn. Dan juri kemm is-settur privat qiegħed jilqa’ bi ħġaru l-politika tal-gvern dwar dawn is-setturi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat qal li, “Permezz ta’ din is-sejħa pubblika għat-tħaddim tal-proposti mħabbra llum qed naraw kif qed ikompli jikber l-għarfien dwar il-benefiċċji ta’ dawn it-teknoloġiji innovattivi u emerġenti”.

Ekonomija

Sport