Sunday, December 22, 2024

Verstappen jirbaħ il-GP tal-Messiku … u jkabbar il-vantaġġ

Aqra wkoll

Is-sewwieq Olandiż Max Verstappen (Red Bull) iddomina l-Grand Prix tal-Messiku li sar fiċ-ċirkwit ta’ Hermanos Rodriguez, f’Mexico City, biex għeleb lir-rival dirett tiegħu, Lewis Hamilton, biex kabbar il-vantaġġ fil- quċċata tal-klassifika b’19-il punt meta fadal erba’ tiġrijiet oħra għat-tmiem. 

Verstappen kien jimmeritah li joħroġ rebbieħ minħabba li kien konsistenti mill-bidu sal-aħħar … għalkemm wieħed irid jgħid ukoll li kien megħjun mill-fortuna fl-ewwel parti tagħha meta s-sewwieq Valtteri Bottas, li beda mill-pole position, deher ftit inċert. Għal Verstappen din kienet it-tielet tiġrija li rebaħ fil-Messiku tant li ħafna huma tal-fehma li l-kontinent Amerikan iġiblu ħafna fortuna.

F’din it-tiġrija huwa rreġistra ħin ta’ 1:38:39.086.

Hamilton, li temm fit-tieni post, kien qed jiġi attakkat mis-sewwieq l-ieħor tar-Red Bull, il-Messikan Sergio Perez.

Peró, il-Britanniku uża l-esperjenza tiegħu biex għaraf iżomm it-tieni post minkejja li huwa kien aktar moħħu kif se jattakka lil-leader iżda ma rnexxielux jagħmel dan minħabba li spiċċa b’distakk ta’ 16.555 sekondi. 

Fir-raba’ post temm l- Franċiż, Pierre Gasly (Alpha Tauri) segwit miż-żewġ sewwieq tal-Ferrari, Charles Leclerc ta’ Monaco u l-Ispanjol Carlos Sainz. 

Verstappen esprim s-sodisfazzjon tiegħu għal din ir-rebħa minkejja li stqarr li kienet waħda diffiċli. 

Min-naħa tiegħu, Hamilton ammetta li r-Red Bull kellhom karozza aktar ve­loċi u kien jimmeritahom li joħorġu rebbieħa u sostna li kien kuntent bit-tieni post hekk kif fadal aktar punti x’jintrebħu. 

Klassifika (ta’ fuq): 312.5 – Max Verstappen; 293.5 Lewis Hamilton; 185 – Valtteri Bottas; 165 – Sergio Perez; 150 – Lando Norris; 138 – Charles Leclerc; 130.5  – Carlos Sainz. 

Ekonomija

Sport