Saturday, November 16, 2024

Veterani: Gżira United Veterans iżommu r-rekord ta’ bla telfa bi draw drammatiku kontra Luxol

Aqra wkoll

Gżira United Veterans baqgħu fl-ewwel post tal-VMFA Cisk Premier League wara li kisbu draw drammatiku ta’ 5-5 kontra l-isfidanti għat-titlu Luxol St Andrew’s.

Kienet logħba ferm pjaċevoli biż-żewġ naħat jalternaw il-vantaġġ għall-bidu għalkemm fit-tieni taqsima, Luxol saħansitra fetħu vantaġġ ta’ 5-2. Minkejja kollox, il-Maroons qatt ma qatgħu qalbhom hekk kif wara li naqqsu l-marġni tal-iskor għal darba darbtejn, saħansitra kisbu l-gowl li tahom punt drammatiku.

Gżira skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetta ta’ Ian Zammit filwaqt li Ryan Fenech, Lydon Micallef u Gilbert Camilleri Lowell ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Luxol kellhom lil Luke Satariano u Mauro Camoranesi li skorjaw żewġ gowls kull wieħed filwaqt li Michael Galea żied ieħor għat-tim tiegħu.

Rabat Veterans issa jinsabu fit-tieni post tal-klassifika wara li kisbu rebħa konvinċenti ta’ 4-1 kontra Żejtun Red Stars.

Adam Smeir u Ibrahim Tarek skorjaw doppjetta kull wieħed għar-Rabtin, b’Etienne Bonnici li skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għaż-Żwieten.

Iċ-champions MFPA sfaw miżmuma fi draw ta’ 3-3 kontra Birkirkara Saint-Helen’s f’logħba spettakolari u mimlija gowls.

Roderick Bajada kompla bil-mument pożittiv tiegħu hekk kif skorja doppjetta b’Jonathan Bondin jżid ieħor għal MFPA, bil-Karkariżi li rrispondew permezz ta’ doppjetta ta’ Claudio Calleja u gowl ieħor ta’ Joseph Chetcuti.

Hibernians Veterans kisbu t-tieni rebħa staġjonali wara li għelbu lil Żurrieq Wolves 2-0.

Thomas Caruana għamel id-differenza kollha f’din il-partita hekk kif skorja żewġ gowls. Minkejja li ż-Żrieraq ippruvaw iwettqu reazzjoni, id-difiża Pawlista żammew sod sabiex waslu tliet punti oħra.

KLASSIFIKA – VMFA Cisk Premier League

Gżira United 10, Rabat Veterans, Birkirkara St Helen’s, Rabat Veterans 7, Hibernians 6, MFPA 5, Żejtun Red Stars 3, Żurrieq Wolves 0

Ekonomija

Sport