Sunday, May 19, 2024

“Victor Calvagna ħaddan il-valur tal-ġenerożità u l-imħabba lejn għajru”

Aqra wkoll

Tikteb il-President Emeritus, Marie Louise Coleiro Preca

Ma ssirx tabib mil-lum għal għada.
Aktar u aktar ma ssirx speċjalista ddedikat malajr. 
It-traġedja tal-ispeċjalista Victor Calvagna hija daqqa ta’ ħarta lill-professjoni medika.
Daqqa ta’ ħarta lit-tfal morda bil-kanċer.
Daqqa ta’ ħarta lil tant genituri.
Daqqa ta’ ħarta lill-filantropija.
Daqqa ta’ ħarta lill-volontarjat.
Daqqa ta’ ħarta lis-soċjetà Maltija… lil pajjiżna.

Dr Calvagna mhux sempliċiment persuna fil-professjoni medika li jgħin bil-ħiliet tiegħu u bil-kapaċità tal-mediċina iżda huwa professjonist tal-qalb.  Iħaddan il-valur tal-ġenerożità u l-imħabba lejn għajru.  Il-volontarjat għamlu parti integrali minn ħajtu b’risq tfal morda bil-kanċer. 

Puttinu Cares twieled propju minn din l-imħabba bla qies li Dr Calvagna għandu. 

Il-viżjoni tiegħu flimkien max-xogħol li jwettaq ma’ oħrajn, jagħtu wens u konfort lil mijiet kbar ta’ tfal, ġenituri u familji.

Għalih huwa importanti, li mhux biss li tingħata l-aqwa kura u l-aħjar ambjent possibbli f’Rainbow Ward, iżda li t-tfal u l-ġenituri jibqgħu jingħataw l-appoġġ meħtieġ anke barra minn xtutna.  

Victor Calvagna huwa viżjonarju.  

Kif qaluli l-istess ġenituri li żort kemm il-darba ġewwa l-appartamenti ta’ Puttinu Cares ġewwa Sutton fl-Ingilterra, l-appoġġ permezz ta’ akkommodazzjoni attrezzata u l-ambjent ta’ kommunità żgħira Maltija, huma ta’ serħan ta’ moħħ bla qies.  

Fl-appartamenti ta’ Sutton kien hemm min kellu jgħix xhur kbar u snin, jistenna sakemm ilesti l-proċess tal-kura sħiħa.  F’dan il-kuntest aktar u aktar joħroġ il-kobor tal-viżjoni u l-ħidma bla waqfien ta’ Victor Calvagna.  

Victor Calvagna huwa magħruf sew f’Marsdon Hospital ġewwa l-Ingilterra.  Il-Professjonisti u l-Ispeċjalisti li jieħdu ħsieb lit-tfal u Maltin ohra, semmewh diversi drabi miegħi.  Konvinta li anke għal dawn in-nies it-traġedja tiegħu hija daqqa ta’ ħarta.

L-esperjenza personali tiegħi, fl-inkontri li kelli ma’ Dr Calvagna dejjem jimpressjonani bl-enerġija, bl-entużjażmu u bid-determinazzjoni tiegħu biex ikompli jagħti appoġġ sħiħ lit-tfal u l-ġenituri.  Tant li llum Puttinu Cares daħal għal proġett kbir ieħor, dak li jipprovdi akkommodazzjoni qrib l-isptarijiet fil-qalba ta’ Londra fuq l-istess mudell ta’ l-appartamenti f’Sutton.

It-traġedja ta’ Victor Calvagna hija kbira wisq għalina.  Ħidmietu tibqa’ dejjem twennisna!  Ħidmietu ma tista’ tintesa qatt, kemm għal ħila tiegħu bħala tabib u bħala speċjalista tat-tfal bil-kanċer, iżda wkoll għal viżjoni tiegħu u għal ħidma filantropika u voluntarja tiegħu.

Konvinta li din il-qalb tajba juriha ma’ martu u ma’ uliedu.  Konvinta li din it-traġedja għal familja tiegħu hija kbira wisq. Iżda rrid ngħidilhom li mhux biss biex f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċilissimi jagħmlu kuraġġ, u li aħna bħala poplu ninsabu magħhom, iżda fuq kollox, għandhom biex ikunu kburin b’dak  kollu li qed jinkiseb b’ħidmet Dr Calvagna.  

It-traġedja ta’ Victor Calvagna ħasditna lkoll.  Iżda jiġri x’jiġri, l-impatt pożittiv tiegħu fuq is-soċjetà Maltija huwa legat li jkompli jitgawda minn ġenerazzjonijiet sħaħ.  

Sport