Il-coach ta’ Bayern Munich, Vincent Kompany, mistenni jirritorna fit-tmexxija tat-team waqt il-konfront tal-Bundesliga kontra Cologne nhar il-Ġimgħa.
Il-coach Belġjan ilu assenti kważi xahar wara li ħassu ħażin waqt sessjoni ta’ taħriġ fit-23 ta’ Ottubru u ddaħħal l-isptar. Wara testijiet mediċi, ġie djanjostikat b’infjammazzjoni tal-membrani li jdawru l-moħħ u d-dahar.
Kompany, 40 sena, sofra wkoll injury fl-ispalla u kellu jgħaddi minn perjodu ta’ rijabilitazzjoni.
Bayern ikkonfermaw li l-coach irritorna għax-xogħol u se jagħti l-ewwel konferenza stampa tiegħu qabel il-partita.
Matul l-assenza tiegħu, l-assistant coach Aaron Danks mexxa lit-team f’ħames logħbiet, fejn kiseb erba’ rebħiet u draw.
Ir-ritorn ta’ Kompany huwa aħbar pożittiva għal Bayern, li qed ifittxu li jkomplu jżommu posthom fil-quċċata tal-klassifika.




