Bayern Munich jinsabu f’taħditiet avvanzati ma’ Burnley dwar il-ħatra sopriża ta’ Vincent Kompany bħala l-coach il-ġdid tagħhom.
Il-club tal-Bundesliga jemmen li Kompany irid jingħaqad magħhom u ż-żewġ clubs qed jimmiraw li jiftiehmu fuq ħlas ta’ kumpens.
Huwa maħsub li Kompany, 38 sena, mistenni jieħu l-istaff tekniku inkluż l-eks internazzjonali ta’ Wales, Craig Bellamy.
Bayern tħabtu biex isibu sostitut għal Thomas Tuchel, li t-tluq tiegħu kien konfermat il-ġimgħa li għaddiet wara li inizjalment tħabbar fi Frar.
Il-coach ta’ Bayer Leverkusen, Xabi Alonso, dak tal-Ġermanja, Julian Nagelsmann, u l-coach attwali tal-Awstrija, Ralf Rangnick, kollha rrifjutaw li jingħaqdu mal-Bavarjani.
Bayern ma rnexxielhomx jipperswadu lil Tuchel biex jibqa’ fit-tmexxija tat-team u għaldaqstant qed jiffaċċjaw problema kbira.
Kompany bena r-reputazzjoni tiegħu fi żmienu f’Anderlecht u Burnley, għalkemm ir-relegazzjoni tal-Clarets, wara aspettattivi għoljin qabel l-istaġun, ma rriflettitx tajjeb fuq il-Belġjan.
Huwa jitkellem bil-Ġermaniż, wara li lagħab fil-Bundesliga ma’ Hamburg.
Kompany iffirma estensjoni tal-kuntratt ta’ ħames snin ma’ Burnley, fl-2023, iżda rrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet dwar il-futur tiegħu wara t-telfa ta’ nhar il-Ħadd kontra Nottingham Forest.
Kompany, erba’ darbiet rebbieħ tal-Premier League bħala player ma’ Manchester City, inħatar manager ta’ Burnley, f’Ġunju 2022, fl-ewwel irwol maniġerjali tiegħu fl-Ingilterra, wara li qabel kien responsabbli mit-team ta’ Anderlecht.