Tuesday, December 24, 2024

VIŻJONI

Aqra wkoll

Problema bid-diskors politiku ta’ dan iż-żmien hu li jikkonċentra żżejjed fuq kemm ekonomikament serjin tajjeb jew ħażin, kemm il-poplu qed igawdi iva jew le finanzjarjament, u (dejjem b’mod superfiċjali), kif nistgħu nikkonslaw b’ċertu dwejjaq tal-ħajja moderna, bħal traffiku fit-toroq u bini bl-addoċċ. Sadattant l-għajta ta’ “viżjoni” tiġi ripetuta qisha xi duwa maġika għal kif għandna nikkonċepixxu l-futur.

Biss meta wieħed jiġi biex jara xinhu jintqal dwar hekk, ta’ spiss jintebaħ li l-ħsieb mhu xejn ħlief paraventu għall-fatt li mill-ġdid se nħarsu biss lejn it-tkabbir ekonomiku, jekk hux jintlaħaq jew le. Mentri dwar x’tip ta’ soċjetà rridu li tibqa’ tinbena għall-futur, id-diskors jibqa’ xott, vag, bħal fil-każ tal-ambjent u oqsma oħrajn bħall-edukazzjoni. Kollox jiġi nkwadrat b’mod spezzettat fil-lingwaġġ ta’ Harold Macmillan tas-snin 50 tas-seklu l-ieħor: “qatt ma kontu daqshekk tajjeb” mill-gvern, jew bil-maqlub mill-Oppożizzjoni. 

X’inhu t-tip ta’ nazzjon li tabilħaqq il-ħidma politika qed timmira għalih?

***

IL-POPLU TAL-GAŻA

Igħidu xi jgħidu l-mexxejja ta’ Iżrael, il-poplu tal-Gaża ġie soġġett fl-aħħar ħmistax-il xahar għal attakki barbari. Dwar il-ħruxija tagħhom fuq popolazzjonijiet innoċenti ma ngħata l-ebda kas. Minnu li l-Iżrael kellu jilqa’ għal attakk barbaru wkoll fil-qilla tiegħu , attakk li ma setax jibqa’ bla kundanna u risposta. Imma l-aġir ta’ Iżrael qabeż kull limitu. Spiċċa jwettaq delitti faħxija agħar minn dawk li twettqu kontra ċ-ċittadini tiegħu, tant li ma nafx kif tista’ titwarrab l-akkuża ta’ ġenoċidju.

Fl-aħħar ġimgħat kibru l-aspettativi ta’ waqfien mill-“ġlied” madwar il-Gaża. J’Alla jseħħu. Kwalunkwe waqfien mill-qtil ta’ ċittadini innoċenti bilfors ikun merħba. Jibqgħu l-effetti tal-atroċitajiet li twettqu fuq il-poplu tal-Gaża.

***

CHAMBRAI

L-istorja ta’ Chambrai tkompli. Meta bdiet (ilu ħafna!) kienu daħqu bina, lilna tal-Labour, għax akkużajna lill-gvern Nazzjonalista tal-1992-1996 li wella bl-irħis il-forti Chambrai lil imbruljun, bil-provi. Il-pampaluni kollha tal-lemin ta’ dak iż-żmien (predeċessuri tal-Fariżej tal-lum, jew forsi l-istess nies) ma waqfux jitmejlu bina. Iż-żmien ta parir lil kulħadd.

Wara, amministrazzjoni oħra Nazzjonalista pprovat issewwi parti mill-ħsara li saret billi tagħti lil imprenditur Għawdxi ċ-ċans li jmexxi hu. Dak iż-żmien, bħala Labour, qbilna. Mill-ħażin trid tara kif fiċ-ċirkostanzi, se twassal għal aħjar. U l-imprenditur kien persuna ta’ ċerta sustanza. Imma ma wasalx. 

Illum ma jagħmel l-ebda sens li dil-praspura traġika għal Għawdex titkompla. L-istat għandu jieħu Chambrai f’idu u jiżviluppah bħala proġett nazzjonali. Imissu jwaqqaf, bħal fil-Qala, mhux ibierek, l-isfreġji tal-wirt nazzjonali li se jsiru fuq il-forti.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport