Saturday, May 4, 2024

Wara l-Budget 2024

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn li għadda tħabbar il-Budget għas-sena 2024. Budget li ngħata diversi titli u deskrizzjonijiet. Titli u deskrizzjonijiet li jvarjaw. Imma li kien hemm komuni fosthom, għajr għan-naħa tal-Oppożizzjoni, li dan kien budget mibni primarjament fuq il-qasam soċjali. Budget li ħaseb l-aktar fuq dawk li l-aktar għandhom bżonn kawża tas-sitwazzjoni internazzjonali. Budget li ma tridx tħares lejh mil-lenti dejqa ta’ pajjiżna biss imma wkoll mil-lenti Ewropea. Meta tagħmel hekk u tara kif qegħdin jaġixxu dawn il-pajjiżi fejn jirrigwarda budget malajr tasal biex tagħraf kemm hu qawwi l-aspett soċjali fil-budget preżentat nhar it-Tnejn li għadda.

Kif mistenni l-ġurnali ta’ nhar it-Tlieta li għadda, l-għada tal-budget, kienu dominati minn din l-eventwalità. Interessanti l-fatt li l-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista ‘In-Nazzjon’ iddedika paġna sħiħa għal dawk li ddeskrieva bħala ‘Il-miżuri ewlenin mid-diskors tal-Baġit’.

Fiha inkluda 29 miżura, imma fosthom ma daħħalx TLIET miżuri mill-aktar b’saħħithom.

Ma sabx spazju fil-paġna biex jgħid li l-Gvern se jkun qed jalloka €350 miljun oħra f’għajnuna fil-qasam tal-enerġija, fjuwils, ċereali u għalf għall-annimali.
Ma sabx spazju biex jgħid li se jkun hemm żieda ta’ €15 fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha.
Ma sabx spazju biex jgħid li se jkun hemm żieda ta’ €12.81 fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja.
Inħossni komdu ngħid li dawn tħallew barra bi skop. Bi skop għax huwa ovvju li l-Partit Nazzjonalista jipprova jevita kull referenza għall-għajnuna tal-Gvern fejn tidħol l-enerġija. Fejn tidħol enerġija Gvern Nazzjonalista l-kredu tiegħu kien li s-suq isuq u jekk il-prezzijiet tal-enerġija jogħlew minn barra hekk ukoll isir Malta.

Huwa ovvju li l-Partit Nazzjonalista ma jqisx il-miżura tal-pensjonijiet bħala miżura ewlenija għax fi żmienu dan il-qasam dejjem tħalla fil-friża. Għall-pensjonanti żjieda fil-pensjoni kienet biss tama li ma sseħħx.

L-istess fejn tidħol żjieda ta’ għoli tal-ħajja. Taħt Gvernijiet Nazzjonalisti r-regola kienet li din tkun tapplika biss għall-ħaddiema fis-settur governattiv. Għall-ħaddiema l-oħrajn, tal-privat, kienet tfisser battalja kontinwa bejn min iħaddem u l-GWU primarjament biex dak li jieħdu l-ħaddiema tal-Gvern jingħata wkoll lil kull ħaddiem ieħor.

Għal-lum nieqaf hawn. Il-Ħadd li ġej ngħidlek x’nippretendi min-naħa tal-Gvern minn Jannar li ġej meta allura jidħlu fis-seħħ il-miżuri tal-budget.
[email protected]

L-ERA u t-taraġ ta’ Bjorn (ALS) Formosa

Din hija s-seba’ darba li qed nikteb dwar il-proġett, fl-opinjoni tiegħi sproporzjonat, li Bjorn Formosa tal-ALS, mhux irid imma SE JAGĦMEL, fi Triq Paris Ħaż-Żebbuġ. Binja ta’ sitt sulari, wieħed taħt l-art u ħamsa ‘l fuq mill-art, fi triq li fiha m’hemmx dan l-għoli ta’ bini. Triq pjuttost dejqa, tant li hija one-way għat-traffiku. Qed ngħid SE JAGĦMEL u mhux irid jagħmel għax kollox jindika li se jingħata l-permess wara xi tibdil fil-pjanti anke jekk l-iżvilupp tal-proġett kien BEDA JSIR qabel ma nħarġu l-permessi. Fil-verità l-permessi relatati għadhom s’issa ma nħarġux. IMMA, u din hija IMMA kbira, issa anke l-ERA, li tant kienet ilmentat għax ix-xogħol inbeda bla permess jidher li mhux se tibqa’ toġġezzjona.

Naf li qed neħodha kontra l-kurrent għax Bjorn Formosa u l-ALS huma min huma, imma dan ma jfissirx li għandu jkun aċċettat li jsiru abbużi bħalma saru fil-post fejn se jsir il-proġett. Din mhix kwistjoni ta’ emozzjonijet, imma kwistjoni li quddiem ir-regoli kulħadd għandu jkun ikkunsidrat ugwali.

Bjorn Formosa u l-ALS qabdu u bdew ix-xogħol mingħajr ma għadhom ħarġu l-permessi. Fost dan ix-xogħol kien it-twaqqigħ ta’ taraġ mill-isbaħ li l-ERA ma kinetx qablet li jitwaqqa’ u kitbet lil min hu konċernat li azzjoni bħal dik kienet illegali li ssir.

X’ġara wara l-oġġezzjoni mill-ERA? Boqq! Ma nafx jekk int tafx li ġara xi ħaġa. Jien ma nafx. Mhux ta’ min jgħidilna x’azzjoni ttieħdet, jekk wara kollox ittieħdet azzjoni? Kieku dak li għamlu Bjorn Formosa u l-ALS għamiltu inti, x’kien isir? Li hu żgur hu li issa t-taraġ żgur li mhux se jsir kif kien u karatteristika bħal dik intilfet darba għal dejjem. Min hu responsabbli għal dan in-nuqqas ma jaħsibx li qiegħed jinkoraġġixxi lili u lilek biex jekk ikollna l-opportunità nagħmlu l-istess, u nimxu fuq l-eżempju ta’ Bjorn u l-ALS?

Finalment…bdew jintużaw il-latrini f’Marsaxlokk!

Fost is-suġġetti li kkummentajt fuqhom diversi drabi minn din il-paġna kien hemm il-latrini f’Marsaxlokk. Proġett li donnu qiegħed jikkompeti mal-Piramidi tal-Eġittu għaż-żmien li se jkun ħa biex jitlesta.

Riċentement innotajt li dawn il-latrini bdew jiffunzjonaw. Ma jfissirx li tlesta kollox f’dak li jirrigwarda l-binja li minnha jiffurmaw parti. Għad jonqos biex din tkun lesta. Imma almenu min ikollu bżonn juża dawn il-latrini issa jista’ jużahom.

Kien fid-dmir tiegħi li la gergirt għax ma kienux jiffunzjonaw allura issa għandi ngħid li bdew. Min jaf, forsi min hu responsabbli mil-latrini pubbliċi tal-Belt Valletta jieħu l-briga minn Marsaxlokk u jara li anke dawn jibdew jintużaw. Ilhom magħluqin għal żmien twil mhux ħażin. Inutli niftaħru bil-Belt u mbagħad ħaġa sempliċi imma utli bħal din m’hemmx. Agħar minn hekk huwa l-fatt li latrini kien hemm u issa huma magħluqin.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt dwar nuqqas flagranti bħal dan?

Sport