Saturday, December 21, 2024

“Wasal iż-żmien li l-avvenimenti storiċi ta’ pajjiżna jgħaqqduna tassew”- Il-President ta’ Malta

Aqra wkoll

“Wasal iż-żmien illi l-avvenimenti storiċi ta’ pajjiżna verament, u b’mod tanġibbli, jgħaqqduna tassew. Jekk dan ma jseħħx, inkunu qed niżżufjettaw bil-ħames festi nazzjonali li għandna. Festi nazzjonali li l-karatteristika ewlenija tagħhom hija li jgħaqqdu nazzjon.”

Huwa propju dan il-ħsieb li esprimiet il-President ta’ Malta Dr Myriam Spiteri Debono f’messaġġ għall-okkazjoni tas-60 anniversarju minn meta Malta kisbet l-Indipendenza fl-1964 u l-poplu tagħna ħa rajh f’idejh. 

Il-President sostniet illi tajjeb li nirriflettu dwar x’fissret l-indipendenza għal Malta, u għalina l-Maltin. Ir-rilaxx mill-ħakkiem tal-ħakma li kellu fuq il-gżejjer tagħna welled lil Malta Nazzjon. Kienu sittin sena li minkejja rwiefen li setgħu nqalgħu, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra, issarrfu f’titjib fil-ħajja ta’ kuljum tal-poplu – żvilupp fl-ekonomija, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u ħolqien ta’ opportunitajiet f’ħafna oqsma, fejn id-demokrazija li flimkien ħaddimna, issarfet ukoll f’arrikkament tal-kultura ta’ pajjiżna.

L-Eċċellenza Tagħha stqarret li wasal iż-żmien li nieqfu u nirriflettu: il-ġejjieni li rridu nibnu flimkien għal dawk li jitnisslu minna qiegħed f’idejna. Dan ifisser illi l-ġejjieni huwa piż fuq moħħna u fuq spallejna, għaliex id-dmir huwa wieħed, li ngħaddulhom pajjiż, sod fil-prinċipji li nemmnu fihom, pajjiż li jfittex li ma jkunx ta’ theddida għall-ebda nazzjon ieħor, u li attivament jaħdem għat-tisħiħ tal-paċi fl-isfera internazzjonali.

Iżda rridu naraw ukoll illi l-paċi tirrenja fostna. Hemm bżonn li nħarsu lejn il-fatti tal-istorja fil-perspettiva vera tagħhom biex napprezzaw, kif mistħoqq, l-iżvilupp tal-poplu tagħna bħala nazzjon sovran. Il-ħsieb komuni, li fl-aħħar mill-aħħar ilkoll rridu l-ġid lil Malta tagħna u lil uliedha, huwa l-pedament ewlieni li jassigura li flimkien naslu.

F’dan il-messaġġ tagħha, il-President ħeġġet biex flimkien nirrikonoxxu li minn żmien għal żmien, tajna prova li kapaċi nkunu maturi, nitkellmu flimkien, ngħarblu l-argumenti ta’ xulxin, u nissieltu biex naslu għal dak li jkun l-aħjar għal uliedna u għal pajjiżna.

Hija fakkret illi l-protagonisti prinċipali tal-kisba tal-indipendenza llum għaddew għal ħajja oħra. Ma hemmx lok aktar għall-interpretazzjonijiet li jnisslu firda fost il-poplu fejn jidħol apprezzament reali ta’ kisbietu. Kull darba li r-rappreżentanti tal-poplu fil-Kamra tad-Deputati tagħna jgħaddu liġijiet, kull darba li fuq materji illi setgħu bdew minn kontroversji, iżda minkejja dan, irnexxielhom jaslu fi ftehim biex flimkien emendaw il-Kostituzzjoni biex tkun strument aħjar tat-tmexxija, dan kien att tal-poplu sovran.

Dak li ma daħalx fil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza fl-1964, iddaħħal wara, tul dawn is-sittin sena, bl-eżerċizzju tas-sovranità li tatna l-indipendenza, bi qbil u kompromessi maturi. Dan oltre istanzi oħra fejn skont il-bżonn u ċ-ċirkostanzi, ir-rappreżentanti tal-poplu illeġiżlaw biex dejjem jirfinaw aktar, id-drittijiet demokratiċi tal-istess poplu, u l-element demokratiku f’istituzzjonijiet kostituzzjonali biex jirriflettu aħjar l-evolviment ta’ twessigħ tad-demokrazija, u bilanċ bejn il-poteri u l-organi tal-Istat, stqarret Dr Spiteri Debono.

Il-liġijiet u l-bidliet legali, biex ikunu effettivi, iridu jkunu aċċettabbli għall-poplu u, fl-aħħar mill-aħħar, aċċettati mill-poplu. “Illum kulħadd jaċċetta li Malta hija Repubblika. Xhieda ta’ dan huwa illi l-kontroversja li kienet qamet dwar interpretazzjoni ta’ kif kellu jsir it-tibdil fil-Kostituzzjoni, meta l-Kamra tad-Deputati kellha quddiemha l-abbozz biex Malta minn Monarkija ssir Repubblika, illum intesiet.

Dan it-tibdil kien possibbli għax konna poplu sovran. Ukoll ir-reviżjoni tat-Trattat tad-Difiża li ġab it-tmiem tal-bażi militari fil-31 ta’ Marzu tal-1979 kien possibbli għaliex konna poplu sovran”.

Il-President ta’ Malta appellat biex il-kontroversji vojta nitfgħuhom warajna. “Għadda żmien biżżejjed biex nikbru. Ejjew nuru li aħna poplu matur, li nħossu u nerfgħu r-responsabbiltà li għandu kull wieħed u waħda minna li flimkien, lill-ulied Malta tal-ġejjieni ngħaddulhom pajjiż aħjar fl-oqsma kollha, u nissuktaw ukoll biex, skont il-Kostitutzzjoni tagħna, u fil-fora internazzjonali, inkomplu bil-ħidma konkreta biex niżirgħu l-armonija u l-paċi fost il-ġnus” temmet il-messaġġ tagħha Dr Spiteri Debono.

Ekonomija

Sport