Saturday, December 21, 2024

WasteServ issottomettiet il-pjanijiet biex l-impjant ta’ Sant Antnin jinbidel f’Park għall-familja

Aqra wkoll

WasteServ issottomettit il-pjanijiet biex l-impjant tat-trattament tal-iskart ta’ Sant’ Antnin, ta’ madwar 23,800 metru kwadru, jinbidel fi spazju aħdar u ta’ rikreazzjoni.

Is-sit li fih hemm l-impjant tat-trattament tal-iskart ta’ Sant’ Antnin se jinbidel fi spazju aħdar u ta’ rikreazzjoni, fi proġett propost li se jagħti 23,800 metru kwadru lura lill-komunità.

Il-biċċa l-kbira tal-operat ta’ dan l-impjant ingħalaq f’ Diċembru 2022.

Wara li ħejjiet id-disinn għal dan l-ispazju miftuħ ġdid, WasteServ issottomettiet l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-proġett lill-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Il-disinn propost se jkun qed jiġi ppreżentat għall-konsultazzjoni pubblika bħala parti minn dan il-proċess ta’ ppjanar, qabel id-deċiżjoni finali tal-Awtorita’.

Is-sit tal-impjant tat-trattament tal-iskart ta’ Sant’ Antnin se jkun riġenerat fi spazju aħdar fl-urban iddominat minn siġar maturi, korpi tal-ilma, diversi faċilitajiet edukattivi u faċilitajiet oħra. Qed jiġi propost parkeġġ taħt l-art, li se jservi wkoll lill-Marsaskala b’ e-park and ride u jinkoraġġixxi mobilità sostenibbli. 

Dan il-proġett ekoloġiku fuq skala kbira se jkun possibbli bis-saħħa tax-xogħol li qed tagħmel WasteServ biex tikkonsolida l-operat tagħha ħalli din iż-żona tibda titgawda mill-pubbliku fi proġett ta’ standard internazzjonali. Dan jallinja mal-istrateġija ECOHIVE, li għandha l-għan li ttejjeb b’ mod sinifikanti ż-żona tal-Magħtab. Malta qed titbiegħed mid-dipendenza tradizzjonali tagħha fuq il-miżbliet u lejn faċilitajiet moderni li jutilizzaw ir-riżorsi tal-iskart b ’mod iktar sostenibbli. Ladarba tiġi implimentata bis-sħiħ, din l-istrateġija se jkollha impatt profond fuq l-ambjent.

WasteServ f’ dawn l-aħħar sentejn waslet ukoll rekords storiċi fejn jidħol l-iskart riċiklabbli. Barra minn hekk, proprju din is-sena, ġiet irreġistrata żieda t’ aktar minn 35% fl-iskart organiku. L-iskart imħallat jinsab fl-inqas livelli rreġistrati fl-aħħar 10 snin, bi tnaqqis drastiku ta’ 600 tunnellata f’ boroż suwed meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Din il-proposta għall-proġett f’Marsaskala għandha l-għan li toħloq ambjent vast għall-fawna lokali, kemm dik tal-art u anke tal-ilma ħelu, u hija maħsuba wkoll biex isservi bħala sit ta’ riabilitazzjoni għal speċi differenti. Din il-proposta tinkorpora ukoll l-aspett edukattiv biex tkompli tistimula t-tranżizzjoni meħtieġa lejn ambjent aħjar, ibbażat fuq prinċipji ta’ sostenibbiltà u ekonomija ċirkolari.

Il-bidliet sinifikanti li qed jiġu implimentati diġà taw riżultati pożittivi, fosthom ir-riabilitazzjoni b’ suċċess tal-miżbliet ta’ Wied Fulija u tal-Qortin f’Għawdex li illum huma postijiet rikki fil-biodiversita’.

Proġetti bħal dan l-ispazju miftuħ ġdid f’ Marsaskala huma possibbli biss bis-saħħa tal-implimentazzjoni b’ suċċess tal-politika tal-immaniġġjar tal-iskart, li fin-nuqqas tagħha jimplika biss aktar miżbliet u teħid ta’ art kif kien jiġri fil-passat. WasteServ se tkompli tmexxi ’l quddiem l-aġenda tagħha dwar l-ekonomija ċirkolari ħadra hekk kif qed timplimenta l-akbar investiment li qatt sar b ’nofs biljun ewro fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart f’ Malta.

WasteServ tirringrazzja lill-pubbliku ġenerali għall-isforzi bla waqfien tagħhom, liema sforzi huma rekwiżit importanti ħafna għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ECOHIVE.

Ekonomija

Sport