WasteServ ħarġet sejħa għall-offerti għal xogħlijiet ta’ tħaffir li se jżidu l-kapaċità ta’ landfill antika b’aktar minn 2.9 miljun metru kubu, ekwivalenti għal madwar 1,100 pixxina ta’ daqs Olimpiku, mingħajr il-ħtieġa li tittieħed aktar art agrikola.
Il-proġett, li se jiġi implimentat f’żewġ fażijiet, jinvolvi t-tħaffir ta’ landfill li nbniet fl-2004 u li bħalissa għandha fond ta’ 10 metri. Din se titħaffer sa fond ta’ 54 metru, u b’hekk tiżdied b’mod sostanzjali l-kapaċità tagħha filwaqt li jsir l-aħjar użu mill-infrastruttura eżistenti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, qal: “L-għan ta’ dan il-proġett huwa li nagħmlu l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi u l-infrastruttura li diġà għandna, bl-inqas impatt possibbli.”
“Dan il-proġett jikkumplimenta l-investiment estensiv li WasteServ qed tagħmel f’infrastruttura alternattiva għat-trattament tal-iskart, filwaqt li jiżgura li l-kapaċità eżistenti tal-landfills tintuża b’mod aktar effiċjenti hekk kif il-pajjiż ikompli jaħdem biex inaqqas id-dipendenza tiegħu fuq ir-rimi tal-iskart fil-miżbliet,” żied jgħid is-Sur Bilocca.
L-iskart li se jitneħħa qabel ma jibda t-tħaffir tal-landfill se jerġa’ jintuża fi proġett infrastrutturali ieħor li għaddej bħalissa, li permezz tiegħu qed tiġi massimizzata l-kapaċità ta’ landfill eżistenti oħra.
Permezz ta’ teknika privattiva unika, dan l-iskart se jintuża biex jinbena l-pedament ta’ struttura ta’ sostenn madwar din il-landfill eżistenti. Din is-soluzzjoni innovattiva se żżid l-inklinazzjoni tal-landfill għal madwar 70 grad, meta mqabbla mal-inklinazzjoni tipika ta’ madwar 30 grad, u b’hekk iżżid b’mod sinifikanti l-kapaċità tagħha mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar art.
Ladarba jitneħħa l-iskart u jibda t-tħaffir tal-landfill, il-kuntrattur magħżul ikun obbligat jipproċessa u jimmanifattura prodotti għall-industrija tal-kostruzzjoni mill-ġebel estratt, minflok ma dan jintrema.
Minbarra li jiżgura li riżorsi naturali ta’ valur jintużaw b’mod effettiv, dan l-approċċ huwa mistenni jwassal għal iffrankar sinifikanti ta’ spejjeż, hekk kif il-valur tal-materjali manifatturati se jgħin biex jikkumpensa parti sostanzjali mill-ispejjeż tal-proġett.
WasteServ tibqa’ impenjata li tiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi, prattiċi u sostenibbli li jimmassimizzaw l-użu tar-riżorsi eżistenti, inaqqsu l-impatt ambjentali u jiżguraw li l-pajjiż ikun mgħammar b’mod adegwat biex jimmaniġġja l-iskart fis-snin li ġejjin.
