WasteServ qed tkompli bl-impenn tagħha sabiex ittejjeb l-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart hekk kif ġiet ippubblikata s-sejħa għall-offerti għad-disinn, il-bini u l-operat bi prova ta’ faċilità ġdida għall-ipproċessar tal-iskart organiku. B’investiment ta’ madwar €75 miljun, dan il-proġett huwa maħsub biex ikompli jtejjeb l-effiċjenza tal-operat u jiżgura li l-pajjiż ikun ippreparat għall-futur.
Matul dawn l-aħħar ħames snin, kien hemm żieda kostanti u konsistenti fil-ġbir tal-iskart organiku, anke bis-saħħa ta’ diversi inizjattivi tal-Gvern, bħat-tnedija tal-iskeda nazzjonali ġdida għall-ġbir tal-iskart. B’dan l-investiment, WasteServ se tkompli tinvesti fil-ġejjieni tal-pajjiż b’infrastruttura ġdida għall-immaniġġjar tal-iskart.
Il-faċilità l-ġdida, li mistennija tkun ikkummissjonata sal-2028, se jkollha l-kapaċità li tipproċessa madwar 74,000 tunnellata ta’ skart organiku fis-sena. Dan l-iskart se jiġi konvertit f’enerġija ħadra hekk kif se jinbidel f’elettriku u f’kompost ta’ kwalità għolja sabiex jikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari aktar sostenibbli. Fl-2024 biss, ġew ipproċessati 35,000 tunnellata ta’ skart organiku li jsarraf f’żieda impressjonanti ta’ 67% fuq sentejn.
WasteServ diġà qed tipproċessa b’suċċess l-iskart organiku f’enerġija ħadra u f’kompost. Fl-2024, dan il-proċess iġġenera biżżejjed enerġija ħadra għal 967 dar għal sena sħiħa filwaqt li pproduċa 2,701 tunnellata ta’ kompost ta’ kwalità għolja. Il-faċilità l-ġdida se ttejjeb dawn l-isforzi, u se żżid kemm il-produzzjoni tal-kompost kif ukoll dik tal-enerġija ħadra.
“L-Environmental Impact Assessment, li tlesta diġà, kkonkluda li l-proġett għandu benefiċċji ambjentali netti, u bis-sit identifikat u mħejji, x-xogħlijiet se jkunu jistgħu jibdew immedjatament hekk kif is-sejħa għall-offerti tiġi magħluqa. Dan l-investiment jenfasizza l-impenn ta’ WasteServ biex tavvanza s-settur tal-immaniġġjar tal-iskart tal-pajjiż filwaqt li tappoġġa l-miri nazzjonali ta’ sostenibbiltà” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca.
Id-disinn tal-impjant li se jkun qed jinbena fi ħdan il-kumpless ECOHIVE, ġie mfassal biex jintegra mal-madwar, bl-istruttura ewlenija tikkomplementa l-pajsaġġ permezz tal-arkitettura kkurvata tagħha magħmulha mill-glulam, injam miksub b’ mod sostenibbli. Barra minn hekk, il-faċilità se tkun qed tinkludi wkoll blokka tal-amministrazzjoni u laboratorju.
L-offerenti interessati f’dan il-proġett għandhom sal-10 ta’ Ġunju 2025 biex jissottomettu l-offerti tagħhom.