Monday, May 13, 2024

WasteServ tħabbar ir-rebbieħa tal-11-il edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards

Aqra wkoll

Skejjel, kunsilli reġjonali, għaqdiet mhux governattivi, kumpaniji u individwi huma fost ir-rebbieħa tal-11-il edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards, imtella’ minn WasteServ. Dan l-avveniment, bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart, jirrikonoxxi l-impenn ta’ dawk li jwettqu inizjattivi favur it-tnaqqis tal-iskart.

Il-premjijiet ta’ din is-sena kienu ffukati fuq l-iskart li jintuża għall-ippakkjar ta’ prodotti, u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent. Il-parteċipanti ġew mistiedna juru l-azzjonijiet tagħhom biex inaqqsu, jerġgħu jużaw u jirriċiklaw l-iskart. Ġurija t’esperti evalwat s-sottomissjonijiet u għażlet ir-rebbieħa, li ngħataw total ta’ €22,000 fi premjijiet biex isaħħu aktar l-isforzi u l-inizjattivi tagħhom.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli rringrazzjat lill-parteċipanti u enfasizzat l-importanza ta’ aktar kuxjenza favur l-ambjent u aktar prattiċi sostenibbli tal-iskart. “Inizjattivi bħal dawn jenfasizzaw il-kontribut li kull wieħed u waħda minnha għandu u juru kif l-isforz kollettiv huwa strumentali biex jitwettqu bidliet ambjentali pożittivi,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca feraħ lill-parteċipanti kollha u nnota kif dan l-avveniment iħeġġeġ stakeholders differenti biex jinvolvu ruħhom fil-prevenzjoni u s-separazzjoni tal-iskart. “Wara r-riżultati pożittivi miksuba s-sena li għaddiet fejn tidħol is-separazzjoni tal-iskart, avvenimenti bħal dawn iservu biex iħeġġu stakeholders differenti jieħdu rwol aktar attiv fil-prevenzjoni u s-separazzjoni tal-iskart,” qal Richard Bilocca.

Għall-ewwel darba, tliet skejjel ġew rikonoxxuti għall-azzjonijiet tagħhom. Dawn huma l-iskola Immakulata Kunċizzjoni tal-Kulleġġ St Jeanne Antide, li ġew fit-tielet post, segwiti minn l-Iskola St Francis Rabat Għawdex, filwaqt li l-Kulleġġ Missjunarju San Pawl ġie fl-ewwel post. Dawn l-iskejjel ingħataw total ta’ €6,000 biex jinvestuhom fuq proġetti u inizjattivi ambjentali ġodda.

Barra minn hekk, waqt din iċ-ċerimonja ingħata wkoll rikonoxximent lill-Kunsilli Reġjonali għall-isforzi tagħhom fil-lokalitajiet tagħhom favur l-immaniġġjar tal-iskart bi premjijiet mogħtija lill-aqwa tliet Reġjuni, li kienu l-Kunsill Reġjonali Port, il-Kunsill Reġjonali Għawdex u l-Kunsill Reġjonali Punent.

Il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart hija l-akbar kampanja fl-Ewropa mmirata biex tippromwovi l-prevenzjoni tal-iskart bil-għan li tinkoraġġixxi l-komunità kollha biex jiżviluppaw azzjonijiet li jħallu impatt għal dan il-għan. Il-kampanja ta’ din is-sena se ssir mis-16 sal-24 ta’ Novembru, b’enfasi fuq l-iskart tal-ikel.

Ir-rebbieħa tal-11-il edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards huma:

  • Waste Reduction Award in Public Administration – Kunsill Lokali l-Isla
  • Waste Reduction Award in Associations Category – St Jeanne Antide Foundation
  • Waste Reduction Award in Schools Category –St Paul’s Missionary College
  • Waste Reduction Award in Clean-up Awareness – Żibel
  • Waste Reduction Award in Business Category – Malta National Aquarium
  • Waste Reduction Award in Citizens Category – EcoWrap
  • Waste Reduction Award for Best Practice in Most Innovative Initiative – Malta Freeport Terminals Limited

Għal aktar informazzjoni żur www.wsm.com.mt jew segwi l-mezzi soċjali ta’ Wasteserv u Sostenibilità.

Sport