Sunday, December 22, 2024

Waterpolo: Neptunes u Sliema se jerġgħu jiltaqgħu biex jiġi deċiż il-finalisti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Neptunes ……….9

Sliema ……….. 11

(2-4, 3-3, 3-2, 1-2)

Sliema għelbu lir-rivali eterni Neptunes bl-iskor ta’ 11-9, biex b’hekk sfurzaw it-tieni semi-finali tal-play-off kontra l-istess Neptunes, liema partita se tkun qed tintlagħab  illum  fis-6.30 pm.

Dan ir-riżultat kom­pla jikkonferma l-kriżi li jinsabu fiha Neptunes fejn għalkemm għamlu l-bidla tal-coach, ir-riżultati mhux ġejjin favurihom u jistgħu inkredibbilment jitilfu post fil-finali wara tant snin … hekk kif din kienet ir-raba’ telfa tagħhom matul dan l-istaġun.

Min-naħa l-oħra, wara bidu ta’ staġun diżappuntanti, Sliema jidru li ħallew l-aħjar għall-aħħar, fejn jid­hru li qed jingranaw bl-aqwa mod possibbli.

Għas-Slimiżi spikka ferm il-player Dino Zammit li skorja xejn inqas minn ħames goals kif ukoll Jerome Gabarretta li rreġistra hat-trick personali biex kompla jikkonferma li wara l-injury fil-kustilji li sofra fil-bidu tal-istaġun, tabilħaqq, bil-mod il-mod reġa’ lura għall-aqwa forma tiegħu.

Dan sabiex għal Neptunes l-aqwa skorers kienu l-captain Stevie Camilleri, Sam Gialanze u Jeremy Abe­la li skorjaw tliet gaols kull wieħed.

Is-Slimiżi għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita fejn fl-ewwel sessjoni ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-2, bl-erba’ goals għalihom jaslu minn Zach Mizzi minn man-up wara li tkeċċa Jake Muscat, Jerome Gabarretta, Dino Zammit minn penalty u Jamie Gambin. Stevie Camilleri rreġistra doppjetta personali għal Neptunes.

Neptunes wettqu reaz­zjoni tajba u fit-tieni sessjoni irnexxielhom iżommu lil Sliema fi draw ta’ 3-3, bil-goals għalihom jaslu minn Sam Gialanze (2) bl-ewwel goal għalih jasal minn man-up wera li tkeċċa Jayden Cutajar u Jeremy Abela.

Dino Zammit (2) bit-tieni goal għalih jasal minn penalty u Jerome Gabarretta rrispondew għat-team immexxi mill-coach Spanjol, Beto Fernandez.

Neptunes rebħu t-tielet sessjoni bl-iskor ta’ 3-2, fejn għalihom irnexxielhom iniż­żlu isimhom fuq il-lista tal-iskorers Sam Gialazne u Jeremy Abela, waqt li l-goals għal Sliema waslu minn Jerome Gabarretta u Dino Zammit.

Kollox kellu jiġi deċiż fir-raba’ u l-aħħar sessjni bi Sliema jkunu huma li joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1 biex finalment rebħu l-partita. Il-goals għalihom waslu minn Dino Zammit u Benji Cachia minn man-up wara li tkeċċa Jake Cachia. Stevie Camilleri skorja l-goal waħdani għat-team mill-Balluta.

Neptunes: 1-Alan Borg Cole, 2-Jake Muscat, 3-Sam Gialanze (3), 4-Gabriel Pace, 5-Jake Cachia, 6-James Spiteri Staines, 7-Stevie Camilleri (3), 8-Jordan Camilleri, 9-Jeremy Abela (3), 10-Michael Spiteri Staines, 11-Alec Fenech, 12-Mark Castillo, 13-Marco Rossi – Coach: Dorian Pisani

Sliema: 1-Nicky Grixti, 2-Jerome Gabarretta (3), 3-Liam Galea, 4-Daniel Rizzo, 5-Mark Meli, 6-Benji Cachia (1), 7-Jayden Cutajar, 8-Matthew Mifsud, 9-John Brownrigg, 10-Jamie Gambin (1), 11-Zach Mizzi (1), 12-Dino Zammit (5), 13-André Theuma, 14-Kieyan Borg – Coach: Beto Fernandez

Referees: Alex DeRaffaele, Stefano Pinato

Ekonomija

Sport