Monday, May 13, 2024

Waterpolo: Sirens kellhom jitħabtu kontra Birzebbugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sirens ……………………7

Birzebbugia ……………5

(3-2, 1-1, 1-0, 2-2)

Sirens kellhom jitħabtu ferm biex għelbu l-isfida ta’ Sirens bl-iskor ta’ 7-5, f’partita li rriżultat bħala waħda ferm bilanċjata u akkanita u li baqgħet saħansitra nċerta mill-bidu sat-tmiem tagħha.

Għal Sirens spikka ferm Jerome Zerafa Gregory li rreġistra hat-trick perso­nali. Min-naħa l-oħra, għal Birzebbugia l-aqwa skorer kien Ben Grech li wkoll skorja tliet goals.

Sirens ħarġu aktar aggressivi u rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 3-2, bil-goals għalihom jaslu minn Jerome Zerafa Gregory (2) u Matthias Azzopardi. Keith Tanti u Giuseppe Mannino rrispondew għal Birzebbugia.

Fit-tieni sessjoni rrenja bilanċ assolut hekk kif din intemmet fi draw ta’ 1-1, b’Ben Grech isib ix-xibka għat-team minn nofsinhar ta’ Malta, filwaqt li Gianni Farrugia wieġeb għal Sirens minn penalty.

It-team minn San Pawl il-Baħar, immexxi mill-coach Serb Marko Orlovic, irritorna għar-rebħ fit-tielet sessjoni meta għamel dan bl-iskor minimu ta’ 1-0, bil-goal waħdani jasal minn Gianni Farrugia.

L-aħħar sessjoni, bħat-tieni waħda, spiċċat fi draw iżda din id-darba ta’ 2-2, bl-awturi tal-goals għal Sirens kienu Jerome Zerafa Gregory u Gabriel Melillo. Ben Grech wieġeb għal Birzebbugia permezz ta’ doppjetta personali.

Sirens: 1-Thomas Micallef, 2-Paul Serracino, 3-Ken Erdogan, 4-Jacob Sciberras, 5-Jerome Zerafa Gregory (3), 6-Ganni Farrugia (2), 7-Matthew Chircop, 8-Isaiah Riolo, 9-John Napier, 10-Mikhael Cutajar, 11-Matthew Sciberras, 12-Matthias Azzopardi (1), 13-Matthew Bonello, 14-Gabriel Melillo (1), 15-Kydon Agius Dupuis – Coach: Marko Orlovic

Birzebbugia: 1-Miguel Vassallo, 2-Julian Farrugia, 3-Neil Cassar, 4-Ben Grech (3), 5-Christian Mifsud, 6-Ryan Mock, 8-David Cutajar, 10-Keith Tanti (1), 11-Giuseppe Mannino (1), 12-Miguel Curmi, 13-Matthew Sladden, 14-Gabriel Sammut, 15-Simeon Bezzina Coach: Pierre Borg

Referees: Gianfranco Bonavita, Ronnie Spiteri

Sport