Thursday, April 25, 2024

Waterpolo: Sliema jgħaddu għall-finali tal-Premier u se jiffaċċjaw lil San Ġiljan

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sliema……………10

Neptunes……….7

(2-3, 3-2, 3-1, 2-1)

Sliema reġgħu għelbu lil Neptunes din id-darba bl-iskor ta’ 10-7, biex b’hekk fil-finalissima fuq l-aħjar minn tliet logħbiet se jkunu qed jaffrontaw lir-rivali San Ġiljan. B’hekk ħallew lil Neptunes diżillużi fejn wara bidu ta’ staġun fejn dehru imbattibbli, fl-aħħar ġimgħat bdew jaslu serje ta’ riżultati konsekuttivi li waslu għall-bidla tal-coach u laħqu l-kulminu tagħhom b’din it-telfa fejn se jkunu assenti mill-finali wara bosta snin.

Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet il-ħames telfa f’konfronti diretu għal Sliema matul dan l-istaġun – tlieta kontra Sliema u tnejn kontra San Ġiljan, indikazzjoni ċara tal-istaġun fallimentari tagħhom.

B’kuntrast għal dan wara bidu ta’ staġun ferm diżappuntanti, Sliema ħallew kollox għall-aħħar fejn ingranaw fl-aqwa żmien possibli u żgur li se jkunu ta’ theddida serja għall-Ġiljaniżi.

Għal Sliema, l-aqwa skorer kien Zach Mizzi bi tliet goals, waqt li għal Neptunes spikka ferm is-solitu captain Stevie Camilleri li rreġistra poker personali.

Kienu Neptunes li rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor strett ta’ 3-2 bil-goals għalihom jaslu minn Stevie Camilleri (2) u Sam Gialanze. Dan sabiex Benji Cachia u Dino Zammit minn penalty wieġbu għas-Slimiżi.

Iżda fit-tieni sessjoni, Sliema, wettqu reazzjoni tajba u ħarġu rebbieħa bl-istess skor li bih Neptunes trijonfaw fl-ewwel waħda jiġifieri dak ta’ 3-2, bl-iskorers għalihom ikunu John Brownrigg minn man-up wara li tkeċċa Jake Muscat, Dino Zammit minn penalty u Zach Mizzi. Jeremy Abela u Gabriel Pace wara li tkeċċa Liam Galea wieġbu għat-team mill-Balluta.

Slema rebħu wkoll it-tielet sessjoni din id-darba bl-iskor ta’ 3-1, bl-awturi tal-goals għalihom ikunu John Brownrigg, Zach Mizzu u l-captain Mark Meli. Gabriel Pace u Stevie Camilleri minn penalty sabu x-xibka għal Neptunes.

Kollox kellu jiġi deċiż fir-raba’ u l-aħħar sessjoni bi Sliema għal darba oħra joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1, bil-goals għalihom jaslu minn Liam Galea minn man-up wara li Gabriel Pace u u Zach Mizzi wkoll kmin sitwazzjoni ta’ raġel iktar wara li din id-darba tkeċċa Jake Muscat għat-tielet darba. L-uniku goal għal Neptunes wasal minn Stevie Camilleri.

Sliema: 1-Nicky Grixti, 2-Jerome Gabarretta, 3-Liam Galea (1), 4-Daniel Rizzo, 5-Mark Meli (1), 6-Benji Cachia (1), 7-Jayden Cutajar, 8-Matthew Mifsud, 9-John Brownrigg (2), 10-Jamie Gambin, 11-Zach Mizzi (3), 12-Dino Zammit (2), 13-André Theuma, 14-Kieyan Borg Coach: Beto Fernandez

Neptunes: 1-Alan Borg Cole, 2-Jake Muscat, 3-Sam Gialanze (1), 4-Gabriel Pace (1), 5-Jake Cachia, 6-James Spiteri Staines, 7-Stevie Camilleri (4), 8-Jordan Camilleri, 9-Jeremy Abela (1), 10-Michael Spiteri Staines, 11-Alec Fenech, 12-Mark Castillo, 13-Marco Rossi Coach: Dorian Pisani

Referees: Daniele Bianco, Massimo Angileri

Sport