Thursday, March 28, 2024

West Ham jirbħu l-UEFA Europa Conference League b’mod drammatiku

Aqra wkoll

West Ham rebħu l-UEFA Europa Conference League meta b’mod drammatiku għelbu lil Fiorentina bl-iskor ta’ 2-1, biex kisbu l-ewwel unur maġġuri tagħhom fi 43 sena. Min-naħa l-oħra Fiorentina naqsu li jirbħu titlu maġġuri Ewropew wara snin twal, hekk kif l-aħħar titlu Ewropew għalihom imur lura għall-istaġun 1960/61, meta kienu rebħu t-Tazza tat-Tazzi.

B’hekk West Ham immexxija mill-manager David Moyes pattew bis-sħiħ għad-diżappunt li kellhom fil-Premier League fl-Ingilterra.

Fl-ewwel taqsima Christian Biraghi deher kollu dmija ma’ wiċċu wara li safa milqut minn oġġett li ntefa’ fil-konfront tiegħu minn partitarji ta’ West Ham United. Dan ssabeix ftit wara, Luka Jovic għal Fiorentina kellu goal imħassar minħabba offside.

Mas-siegħa logħob, West Ham, rebħu penalty meta Biraghi miss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Dan wara li r-referee Spanjol, Del Cerro, ikkonsulta mal-VAR. Mill-11-il metru, inkariga ruħu Mohamed Said Benrahma li ma żbaljax hekk kif tefa’ l-ballun naħa u lill-goalkeeper tal-Viola, Pietro Terracciano, in-naħa opposta, b’dan ikun is-sitt penalty li huwa skorja għall-Hammers matul dan l-istaġun.

Iżda Fiorentina ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Giacomo Bonaventura li permezz ta’ xutt fil-baxx għar-rokna tax-xibka ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper tal-Hammers, Alphonse Areola, b’dan ikun it-tieni goal għalih f’din il-kompetizzjoni.

Fiorentina komplew fuq l-offensiva u fit-72 minuta Arturo Cabral, kellu xutt minn pożizzjoni ideali li ntemm ftit barra.

Kulma jmur kompla d-dominju tal-Viola u ħames minuti wara, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Biraghi ġie salvat b’diffikultá minn Areola.

Iżda kienu West Ham li kontra x-xejra tal-logħob, kisbu rebħa drammatika permezz ta’ goal minn Jarrod Bowen (90).

Ekonomija

Sport