Bħal-lum 22 sena ilu kellha tkun ġurnata oħra ta’ ħidma għal mijiet ta’ eluf ta’ Amerikani u għall-kumplament tad-dinja. Il-grupp terroristiku Al Qaeda, immexxi minn Osama Bin Laden kellu ħsibijiet oħrajn.

Għall-ħabta tat-8:46 a.m, ajruplan tal-passiġġieri baqa’ dieħel f’wieħed mit-torrijiet tat-Twin Towers. 17-il minuta wara, proprju fid-9:03 a.m it-tieni ajruplan daħal fit-torri l-ieħor.

b’mod erojku tilfu ħajjithom ukoll għadd ta’ pulizija u ħaddiema oħra ta’ salvataġġ. In-numru tal-vittmi jingħad li huwa ta’ 2,977 iżda n-numru eżatt mhuwiex magħruf għax kien hemm vittmi li ma nstabux wara li nħarqu u ġġarrfu l-istrutturi.

Forsi ftit huma dawk li huma konxji, iżda pajjiża, forsi mhux direttament, intlaqgħet minn din it-traġedja, hekk kif tnejn minn uliedu inqatlu f’dawn l-attakki li ħallew kważi 3,000 persuna maqtula.
Fil-fatt Brian Cachia u Steven Genovese, huma ż-żewġ Maltin li tilfu ħajjithom f’dan l-att terroristiku. Intant skont informazzjoni li għandi talk.mt permezz ta’ Charles Spiteri, eks-suldat li ġġieled fil-gwerra tal-Vjetnamm, Cachia ma kellux ikun xogħol dakinhar tal-attakki.

Spiteri, bil-għan li jfakkar il-memorja ta’ dawn iż-żewġ “eroj” kien għamel mural, imdendel fil-bini tal-General Workers Union, li jonora lil Cachia u l-Genovese.

Bħala Talk.mt żorna l-mużew li jfakkar din it-traġedja b’ammont sostanzjali ta’ fdalijiet nistgħu nikkonfermaw l-għafsa ta’ qalb indeskrivibbli ladarba tidħol fil-post. Mill-bandiera li kienu tellgħu l-pumpiera, għal uniformijiet tal-uffiċjali, sa ħwejjeġ u żraben tan-nies li nstabu wara dak li seħħ. Il-filmati kontinwi tax-xandiriet li bdew ħerġin mal-ewwel sekondi wara l-attakk jkomplu jdaħħlu l-dak li jkun f’qoxortu.