Friday, July 19, 2024

Wimbledon: Carlos Alcaraz kellu jitħabat kontra Frances Tiafoe

Aqra wkoll

Iċ-champion renjanti tal-Open ta’ Wimbledon, Carlos Alcaraz, kellu jitħabat ferm biex għeleb lill-Amerikan, Frances Tiafoe, f’logħba ferm eċċitanti, tant, li ntlagħbet fuq ħames sets. 

L-Ispanjol ħareġ rebbieħ f’serata intensa 5-7 6-2 4-6 7-6 (7-2) 6-2 quddiem folla storbjuża fis-Centre Court. Dan il-konfront ħa 3 sigħat u 50 minuta. 

Alcaraz irreġistra 16-il ace  impressjonan­ti li kellhom rwol sinifikanti fis-suċċess tiegħu, hekk kif iġġieled lura minn żvataġġ ta’ set biex finalment ittrijonfa.  

Notevolment, Alcaraz ikkonverta ħamsa minn tmien opportunitajiet ta’ break points li kienu deċiżivi.

Din ir-rebħa żammet it-tamiet ta’ Alcaraz li jirbaħ it-tieni Grand Slam konsekuttiv wara li ftit ġimgħat ilu rebaħ il-French Open.

“Ovvjament dejjem hija sfida kbira li nilgħab kontra Frances,” qal Alcaraz.

Kien hemm mumenti fejn l-iSpanjol deher li kien ser ibaxxi rasu qud­diem is-saħħa tal-Amerikan iżda huwa rkupra tant tajjeb biex finalment ħareġ rebbieħ. 

*Il-Bulgaru, Grigor Dimitrov, iddomina l-logħba kontra l-Franċiż, Gael Monfils, biex rebaħ f’sets dritti bi skor konvinċenti ta’ 6-3 6-4 6-3. Notevolment, il-perċentwal eċċezzjonali tas-service ta’ Dimitrov ta’ 95% u l-abbiltà tiegħu li japprofitta fuq erba’ opportunitajiet minn 10 ta’ break points kienu kruċjali biex aċċerta  r-rebħa tiegħu. 

*Fil-kategorija tan-Nisa, it-Taljana, Jasmine Paolini, avvanzat għar-raba’ round meta għelbet lill-Kanadiża, Bianca Andrees­cu, f’siegħa u 31 minuta. Paolini rebħet bi skor kbir ta’ 7-6 6-1 li wera perċentwal superjuri tar-rebħa fl-ewwel service ta’ 76%, meta mqabbel mat-58% ta’ Andreescu. L-erba’ reb­ħiet ta’ break points ta’ Paolini minn sebgħa wassluha għar-round li jmiss.

Hija se taffronta lill-Amerikana, Madison Keys, li għelbet lill-Ukrena, Marta Kostyuk,  f’ħin ta’ siegħa u 21 minuta. Hija rebħet 6-4 6-3, grazzi għasl service superjuri fejn kisbet ukoll erbgħa mill-11-il opportunitá ta’ break points.

TISLIMA EMOZZJONALI

MINN ANDY MURRAY

Andy Murray rringrazzja lill-organizzaturi ta’ Wimbledon għal ċerimonja ta’ tislima “emozzjonali” wara li l-aħħar dehra tiegħu bdiet b’telfa flimkien ma’ ħuh il-kbir, Jamie, fid-doubles tal-irġiel.

Murray li rebaħ l-Open ta’ Wimbledon darbtejn (fl-2013 u fl-2016), lagħab għall-aħħar darba fl-All England Club qabel jirtira aktar tard din is-sena.

Filmat tal-karriera ta’ Murray intwera fuq  l-iscreen ġgantesk tas-Centre Court wara l-logħba, li ħalla lill-eks numru wieħed tad-dinja bid-dmugħ hekk kif eluf ta’ partitarji wrew l-apprezzament tagħhom b’applaws twil.

L-aħwa Murray waslu fuq is-Center Court  li kien ippakkjat bil-partitarji fejn ingħataw ovazzjoni tremenda. Iżda huma tilfu 7-6 (8-6) 6-4 kontra l-koppja Awstraljana, John Peers u Rinky Hijikata.

Murray rringrazzja lill-familja tiegħu, lill-membri tat-team tiegħu matul is-snin u lill-partitarji għall-appoġġ kontinwu tagħ­hom.

“Huwa diffiċli għax irrid nibqa’ nilgħab, imma ma nistax. Kollox jiġi fi tmiemu peró sodisfatt li tajt kontribut lil-logħba tat-tennis.” 

­   

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport