Tuesday, December 24, 2024

Wimbledon: Iċ-champion Carlos Alcaraz jibda b’rebħa

Aqra wkoll

Iċ-champion renjanti, Carlos Alcaraz beda d-difiża tat-titlu ta’ Wimbledon b’rebħa missielta fuq l-Estonjan Mark Lajal.

L-Ispanjol rebaħ 7-6 (7-3) 7-5 6-2 biex beda l-avventura tiegħu fuq is-Centre Court.

Alcaraz qed jipprova jirbaħ it-tieni titlu konsekuttiv wara li x-      xahar li għadda rebaħ il-French Open.

L-Ispanjol ma kienx fil-forma solita tiegħu hekk kif Lajal, ikklassifikat fil-269 post fid-dinja, issorprenda lill-folla tas-Centre Court billi mar fil-vantaġġ 3-2.

Madankollu Alcaraz kien kapaċi jgħolli l-livell tiegħu fl-aktar mument importanti u wieġeb immedjatament bi break qabel ħa l-kontroll tat-tie-break biex ikkonkluda l-ewwel set.

Il-frustrazzjoni tiegħu kom­pliet fit-tieni set, b’Lajal iqabbel l-enerġija taċ-champion renjanti bi tweġi­biet u drop shots intelliġenti hekk kif iż-żewġ players skambjaw breaks kmieni.

Iżda l-furja ta’ Lajal bdiet tbatti meta Alcaraz kissirlu s-service biex mar 6-5  minn fuq qabel rebaħ is-set.

“Li nilgħab fuq dan il-court, huwa l-isbaħ wieħed li qatt lgħabt fih,” qal iż-żagħżugħ ta’ 21 sena. “Kull darba li nilgħab hawn, nimtela b’eċċitament kbir għax hija ħolma li nilgħab hawnhekk.

“Il-Ħamis ipprattikajt għal 45 minuta u kienet l-ewwel darba li kont nervuż fit-taħriġ għax kont qed nilgħab fuq dan il-court.”

Lajal ta’ 21 sena, issielet ħafna  fl-ewwel dehra tiegħu f’din il-polza prinċipali ta’ Grand Slam.

“Onestament, issorprendieni xi ftit minħabba li qatt ma rajtu jilgħab jew jipprattika,” żied jgħid Alcaraz.

“Għandu livell għoli. Huwa tennista żgħir, l-istess etá tiegħi u għaldaqstant se narah aktar ta’ spiss u se nilgħab kontrih aktar ta’ spiss … u nixtieqlu kull suċċess.”

Alcaraz se jiffaċċja lill-Awstraljan Aleksandar Vukic jew inkella lil Sebastian Ofner tal-Awstrija fit-tieni round.

* L-Amerikan, Frances Tiafoe, wet­taq rimonta notevoli minn żvantaġġ ta’ żewġ sets biex għeleb lit-Taljan,  Matteo Arnaldi. Id-29 seed iġġieled lura biex rebaħ 6-7 (5-7) 2-6 6-1 6-3 6-3.

Il-ħames seed, ir-Russu Daniil Medvedev, semi-finalista s-sena l-oħra, għeleb lil Aleksandar Kovacevic b’rebħa ta’ 6-3 6-4 6-2.

It-tmien seed, in-Norveġiż Casper Ruud, u l-10 seed Gri­gor Dimitrov tal-Bulgarija wkoll għaddew  għat-tieni round.

Ruud għeleb lill-Awstraljan Alex Bolt, 7-6 (7-2) 6-4 6-4 filwaqt li Dimitrov rebaħ lis-Serb Dusan Lajovic 6-3 6-4 7-5.

Intant, il-finalist tellief tal-2021, it-Taljan Matteo Berrettini, se jilgħab kontra l-patrijott tiegħu, in-numru wieħed tad-dinja,  Jannik Sinner, wara li  għeleb lil Marton Fucsovics tal-Ungerija 7-6 (7-3) 6-2 3-6 6-1.

Madankollu, Sebastian Baez u Nicolas Jarry saru l-ewwel seeds li ġew eliminati fis-singles tal-irġiel, tilfu kontra Brandon Nakashima u Denis Shapovalov rispettivament.

*Fil-kategorija tan-Nisa, il-finalista telliefa tal-French Open,  Jasmine Paolini, id-disa’ seed Maria Sakkari u ċ-champion ta’ Eastbourne, Daria Kasatkina, ikkwalifikaw għat-tieni round.

Is-seba’ seed Paolini, li tilfet man-numru wieħed tad-dinja Iga Swiatek f’Roland Garros ix-xahar li għadda, dejjem ġiet eliminati fl-ewwel round ta’ dan it-tournament.

Madankollu, it-Taljana ta’ 28 sena rebħet b’mod komdu 7-5 6-3 fuq l-Ispanjola, Sara Sorribes Tormo.

Il-Griega Sakkari għelbet lin- numru 119 tad-dinja, McCartney Kessler tal-Istati Uniti, 6-3 6-1.

L-14-il seed, ir-Russa Kasatkina waqqgħet biss tliet logħbiet fir-rebħa ta’ 6-3 6-0 fuq Zhang Shuai taċ-Ċina biex fit-tieni round se tilgħab kontra l-Britannika Lily Miyazaki.

Aħbar ħażin hija li t-tielet seed, il-Belarussa, Aryna Sabalenka, kel­lha tirtira minn dan it-tournament minħabba injury fi spallitha. 

Ekonomija

Sport