Friday, February 7, 2025

Wirja li tiċċelebra l-arti tax-xebħ tal-uċuħ u l-maskri tiftaħ fi Spazju Kreattiv

Aqra wkoll

Fi Spazju Kreattiv, Festivals Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv fetħet il-wirja Wiċċ il-Karnival: Wirja t’Uċuħ u Maskri, esebizzjoni li tistħarreġ l-arti tax-xebh tal-uċuħ tal-kartapesta tal-karnival u l-maskri. Din il-wirja se tibqa’ miftuħa sas-16 ta’ Marzu u hija miftuħa għall-pubbliku b’xejn.

Din il-wirja li għandha madwar ħdax-il ras tal-kartapesta maħduma mill-kumpaniji tal-Karnival tal-Landa Carnival Company, Triton Carnival Company u DreamTeam Carnival company turi ftit mill-aqwa xogħlijiet ta’ xebh li dawn l-artisti għamlu f’dawn l-aħħar snin b’xebh ma’ ċelebritajiet magħrufin internazzjonalment bħal Snoop Dogg, Walt Disney u anke l-famuż aljen, E.T.

Il-wirja tinkludi wkoll ix-xogħol tal-maskri tal-kartapesta ta’ Michael Grech, artist ibbażat il-Birgu li sforz ta’ mistoqsija mingħand turist dwar maskra tradizzjonali Maltija, midd idejh u ta l-interpretazzjonijiet tiegħu

ta’ kif tista’ tidher il-maskra tradizzjonali Maltija b’proġett li jsejjaħlu “Wiċċ Laskri”.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, is-Sur Aaron Zahra, qal li “Wiċċ il-Karnival hija waħda mill-avvenimenti li Festivals Malta qed tħejji lil hinn minn dak li huwa briju tradizzjonali tal-Karnival li joffri pajjiżna ta’ kull sena. L-esebizzjoni ta’ din is-sena ser twassal għarfien dirett dwar ix-xogħol tal-Karnival u sabiex dejjem ikompli jiżdied l-interess kemm fost il-poplu Malti kif ukoll it-turisti li jżuru pajjiżna. Permezz ta’ dan kollu ser ikunu qed jieħdu esperjenza ta’ dak li huwa l-karattru tal-Karnival Malti.”

Wiċċ il-Karnival isservi wkoll bħala tnedija tal-programm tal-Karnival, li jilħaq il-qofol tiegħu bejn it-28 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu fil-Belt Valletta u l-Furjana.

Hu u jikkumenta dwar l-attivitajiet anċillari fil-programm tal-Karnival, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta qal, “Wirja bħal din li tibda qabel id-dati uffiċjali tal-Karnival fl-aħħar ta’ Frar u l-bidu ta’ Marzu turi l-importanza li Festivals Malta qed tagħti lejn iż-żieda fl-aċċessibbiltà tal-avvenimenti kulturali li jiffurmaw parti mill-kalendarju tagħna.”

“Żgur u bla dubju il-livell tal-artisti tagħna hu kbir ħafna u li huwa kumparabbli sew ma’ artisti barranin. Dan li qed naraw f’din l-esebizzjoni jixhed dan fix-xogħol ta’ xebh ta’ uċuħ ta’ personaġġii famużi li rajniehom f’karnivali passati fejn bosta drabi anke ġew imsemmija mill-personaġġi nfusom. Dan hu dak li sirna naraw fil-Karnival Malti: xogħol ta’ mmudellar u kartapesta mill-ifjen, ” ikkonkluda d-Direttur Artistiku tal-Karnival ta’ Malta.

Għal aktar informazzjoni dwar din il-wirja, wieħed jista’ jżur www.festivals.mt/karnival.

Il-Karnival ta’ Malta huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u GSD Marketing Ltd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport