Friday, May 10, 2024

Xhud jirrakkonta kif ra kaċċatur jispara fuq fjammingi

Aqra wkoll

Xhud li kien fuq il-post meta nqatlu erba’ fjammingi fil-Qawra xehed fil-Qorti kif huwa kien ra lill-kaċċatur Miguel Zammit jipponta s-senter tiegħu fl-arja ftit tal-ħin wara li l-fjammingi niżlu fil-baħar. 

Caldon Mercieca, kien qed jixhed fil-Qorti hekk kif quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Zammit li jinsab mixli li spara u qatel fuq tajr protett. Il-każ seħħ is-Sibt li għadda. 

Mercieca spjega fil-Qorti li huwa kien ra lil Zammit bilwieqfa fiż-żona tal-Ponta tal-Qawra x’ħin ra l-fjammingi niżlin fil-baħar. Qal li ftit sekondi wara, Zammit ippunta s-senter fl-arja u mbagħad sema’ t-tiri.

Fis-seduta tal-bieraħ xehdu wkoll numru ta’ uffiċjali tal-Puizija. Wieħed minnhom, is-Surġent Edward Xuereb qal li l-Forzi Armati ta’ Malta ntalbu jassistu peress li kellhom bżonn dgħajsa biex jiġbru l-fjammingi minn fuq il-baħar.

Is-Surġent kien ukoll tkellem max-xhud fuq il-post, li kkonfermalu li ra t-tiri sparati u erba’ fjammingi jaqgħu fil-baħar. L-istess xhud għaraf lill-kaċċatur fl-awla.

Lejn l-aħħar tas-seduta d-Difiża talbet li l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest, bil-Qorti se tiddeċiedi fuq din it-talba fil-ġimgħat li ġejjin. 

Sport