Sunday, November 24, 2024

X’INHU L-PASS LI JMISS GĦALL-INDUSTRIJA TAL-FILMS?

Aqra wkoll

Industrija li kulma jmur qed tkompli tikber f’pajjiżna u li minnha jgawdi l-pajjiż kollu billi wkoll qiegħda tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku hija dik tal-films. Ninnutaw li l-istess industrija qiegħda tħalli riżultati pożittivi, anki f’dak li huwa immaġni ta’ pajjiżna bħala ċentru għal produzzjonijiet ċinematografi. 

Fil-fatt, is-sena li għaddiet kienet l-aqwa sena fl-istorja tal-films. Dan hekk kif inħadmu xejn inqas minn 37 produzzjoni f’pajjiżna, b’1,400 jaħdmu fil-films. F’dan ir-rigward, ta’ min wieħed ifakkar li 78% tal-crews li jaħdmu fil-films huma Maltin.

Ma ninsewx ukoll l-attività li saret fil-jiem li għaddew, li wriet kemm l-industrija tal-films hija waħda ta’ suċċess. F’Forti Rikażli, wieħed seta’ jara s-sett li fih kien qed jinġibed Gladiator 2. Barra minn hekk, dawk preżenti setgħu wkoll jaraw it-tankijiet tal-ilma joperaw fil-Malta Film Studios filwaqt li kellhom l-opportunità li jisimgħu l-istejjer u l-esperjenzi ta’ dawk kollha li jaħdmu f’din l-industrija. 

Wieħed ma jistax ma jirkonoxxix dawn ir-riżultati sinifikanti. Pajjiżna matul l-aħħar snin għadda minn perjodu diffiċli, speċjalment matul il-pandemija tal-Covid-19. Minkejja kollox, din l-industrija baqgħet waħda b’saħħitha hekk kif aktar produtturi barranin fittxew lil Malta għall-produzzjonijiet tagħhom. Dan juri li  pajjiżna joffri faċilitajiet eċċellenti. 

Quddiem dan kollu, x’inhu l-pass li jmiss għal din l-industrija u fejn tista’ timraħ aktar? Qabel xejn, nilqgħu b’sodisfazzjon il-kummenti tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech ma’ dan il-ġurnal meta qal li Malta se tkompli tattira aktar films fiż-żmien li ġej. Ix-xogħol għalhekk jeħtieġ li jibqa’ għaddej. 

Irridu nirrikonoxxu li f’dawn l-aħħar snin pajjiżna kompla jattira aktar produzzjonijiet u dan minnu nnifsu rrikjeda li jkollna aktar riżors uman imħarreġ f’dan il-qasam. 

Dan sabiex tinbena industrija li tkun waħda sostenibbli u bbażata fuq karrieri fejn ikun hawn opportunitajiet għal kulħadd. Fil-fehma tagħna, nemmnu li din l-industrija trid tkompli timraħ lil hinn mir-riżultati li kisbet sa issa sabiex ikun hemm il-garanzija tax-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi.

Sport