Friday, April 19, 2024

Xjentisti tal-missili Russi arrestati fuq suspett ta’ tradiment kbir

Aqra wkoll

Tlieta mill-aqwa xjentisti tal-missili hypersonic li jaħdmu għal Putin qed jinżammu arrestati fuq suspett ta’ tradiment kbir. Dan wara li l-Ukrajna qalet li rnexxielha twaqqa’ sensiela ta’ missili li r-Russi kienu qalu li ħadd ma jista’ jwaqqaf.

Dmitry Peskov, kelliem għall-Kremlin qal li dawn it-tliet akkedemiċi prominenti — Anatoly Maslov, Alexander Shiplyuk u Valery Zvegintsev — qed jaffaċċjaw “akkużi serji ħafna”. L-istess tliet xjentisti ħadmu għal diversi snin fl-armamenti u kienu involuti wkoll, flimkien ma’ awturi oħra, fil-kitba ta’ kapitlu ta’ ktieb intitolat ‘Hypersonic Short-Duration Facilities for Aerodynamic Research at ITAM, Russia’.

Putin kien ilu jiftaħar li r-Russja hija l-mexxejja tad-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mal-missili magħrufa bħala ‘hypersonic missiles’. Huwa kien wera għall-ewwel darba il-‘Kinzhal’ rockets fl-2018 fejn kien saħaq li ħadd ma jista’ jwaqqafhom: la s-sistemi tad-difiża preżenti u lanqas dawk futuri. Però, b’sorpriża għalih, huwa affaċċja umiljazzjoni kbira nhar it-Tlieta meta l-Ukrajna qalet li rnexxielha teqred sitta minnhom f’lejl wieħed.

B’reazzjoni għal dawn l-arresti, ingħad li l-kollegi tat-tlett irġiel indirizzaw ittra pubblika lill-a.wtoritajiet fejn saħqu li kull wieħed minn dawk arrestati huwa patrijotti u nies affidabbli li ma jaslu qatt jagħmlu dak li qed jissuspettaw l-awtoritajiet dwarhom.

L-ittra komplet tgħid li dan l-arrest se jpoġġi lix-xjenza Russa f’riskju serju għaliex: “L-aqwa studenti f’dan il-qasam ma jridux jaħdmu magħna, filwaqt li l-aqwa ħaddiema żgħażagħ li għandna qed jitilqu minn din il-linja tax-xogħol”.

Sport