Friday, December 20, 2024

Xogħol ta’ manutenzjoni u rinnovar fi tmien Libreriji lokali

Aqra wkoll

Id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ħarġet espressjoni ta’ interess għall-kunsilli lokali sabiex ikun offrut servizz għal xogħol ta’ manutenzjoni mill-ħaddiema tal-istess Direttorat, fil-libreriji lokali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-istess kunsilli lokali. B’kollox sar xogħol ta’ manutenzjoni u rinnovar fi tmien libreriji lokali. Dan ħabbritu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.

L-għan ewlieni ta’ din l-espressjoni ta’ interess kien li l-kunsilli lokali jkomplu jwasslu servizz ta’ kwalità lir-residenti. Il-libreriji lokali li bbenefikaw minn din l-espressjoni ta’ interess jinsabu fil-lokalità ta’ San Ġwann, Gudja, Sliema, Fgura, Xgħajra, Gżira, Swieqi u Rabat, Malta.

“Iż-żamma tal-libreriji lokali hija essenzjali sabiex ir-residenti jkollhom post ta’ kwalità minn fejn jissellfu l-kotba jew jagħmlu r-riċerka,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. Hija spjegat li din l-inizjattiva favur iż-żamma tal-libreriji lokali tikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern favur kultura tal-qari fost it-tfal u l-familji.

Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli temmet id-diskors tagħha billi appellat lir-residenti ta’ kull età biex jirrikorru fil-libreriji lokali u jissellfu l-kotba disponibbli għalihom, għaliex il-kotba huma ċ-ċavetta għall-edukazzjoni u l-għarfien.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Emil Vassallo qal li d-Diviżjoni hija kommessa li tkompli tassisti lill-Kunsilli Lokali u Reġjonali fit-twettiq ta’ inizjattivi li jibbenefikaw minnhom ir-residenti. Huwa faħħar l-impenn tal-kunsilli lokali li bbenefikaw min din l-inizjattiva sabiex isir ix-xogħol neċessarju għaż-żamma tal-libreriji rispettivi tagħhom u b’hekk ikomplu jippromwovu aktar qari fost ir-residenti.

Il-ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali wettqu xogħol skont il-ħtiġijiet ta’ kull librerija rispettiva. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu xogħol ta’ tibjid u kisi tal-ħitan ta’ barra u ġewwa, twaħħil ta’ xkaffar ġdid, modifikar tad-dawl sabiex il-libreriji jkunu mdawla aħjar, manutenzjoni fuq travi, fost xogħol ieħor.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti s-sindki u s-segretarji eżekuttivi tal-kunsilli lokali rispettivi.

Ekonomija

Sport