Monday, December 23, 2024

X’saltna tad-dritt jammen biha l-PN?

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa rajna kif il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar sentejn jinjora obbligi legali li għandu skont il-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Il-liġi tgħid ċar li kull sena jrid idaħħal il-kontijiet finanzjarji tiegħu u jippreżenta rapport ta’ donazzjonijiet li jeċċedu s-€7,000. Minn dawn ma sar xejn għal sena sħiħa minn mindu laħaq Kap Bernard Grech, li issa dieħel fit-tielet sena tiegħu tat-tmexxija fil-Partit Nazzjonalista. Biex tgħaxxaq ukoll il-Kummissjoni Elettorali wissiet mhux darba imma ħames darbiet lill-Partit Nazzjonalista li naqas milli jonora l-obbligi tiegħu u kellu bżonn ikun konformi għax bħalissa qed jibqa’ jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Fil-fatt il-Kummissjoni Elettorali bagħtet ħames ittri lill-Partit Nazzjonalista li dan injora għax baqa’ ma ppreżentax dak mitlub minnu f’ġieħ it-trasparenza u l-kontabbiltà.

Wieħed allura jistaqsi x’saltna tad-dritt jemmen biha l-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Bernard Grech. Il-Kap mhux darba kien mistoqsi fuq dan u ġab skużi differenti. L-ewwel qal li kellu problemi għax ma sabx in-nies biex isir ix-xogħol meħtieġ. Insomma skużi differenti biex iwaħħal fid-dewmien u tnikkir tal-Partit Nazzjonalista f’ħaġa bażika li minnha jekk xejn għandu juri li hu partit kontabbli. Fuq kollox illum il-Partit Nazzjonalista għandu l-ardir li jibqa’ jitkellem fuq is-saltna tad-dritt meta mbagħad hu stess lanqas jirrispetta l-liġijiet tal-pajjiż u speċjalment dawk li jirregolaw l-operat ta’ partit politiku.

Ninnutaw ukoll li dawk li huma qrib ħafna tal-Partit Nazzjonalista u li appoġġjaw lil Bernard Grech biex ikun Kap meta tqaċċat Adrian Delia baqgħu b’fommhom mitbuq. Dawk li għalihom suppost is-saltna tad-dritt tant hi sagrosanta, ma smajna xejn mingħandhom. Xi kredibbiltà jippretendu dawn? Meta għalihom ir-rule of law hi a la carte, fejn jaqbel lilhom. Is-suppost palladini tas-saltna tad-dritt kif jistgħu jippretendu li xi ħadd jemminhom meta jitkellmu fuq is-saltna tad-dritt meta mbagħad huma jew ma jirrispettawx il-liġi jew quddiem nuqqasijiet ċari ma jitkellmux? Dawn huma mistoqsijiet pertinenti li żgur din il-gazzetta mhux tistenna xi tagħlimiet mingħand dawk li jaħsbu li moralment huma superjuri.

Jekk wieħed jara ftit fuq is-sit tal-Kummissjoni Elettorali malajr jintebaħ li ħafna partiti, inkluż bid-dovut rispett lejn partiti bħall-Għarb l-Ewwel u Floriana l-Ewwel, ressqu dak mitlub minnhom. Min-naħa l-oħra sa dil-ġimgħa stess wara li ħareġ fil-beraħ li l-Partit Nazzjonalista injora ħames ittri tal-Kummissjoni Elettorali, dak li kien il-kelliem għall-Finanzi u tilef il-portafoll, l-Accountant Jerome Caruana Cilia ammetta li l-kontijiet finanzjarji u r-rapport tad-donazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista għadhom ma ġewx sottomessi.

Il-Partit Nazzjonalista ilu fil-bżonn li jdur dawra madwaru u jirranġa daru l-ewwel u qabel kollox. Kif jista’ jaspira li jmexxi u jamministra l-finanzi tal-pajjiż jekk l-ewwel ma jirranġax tiegħu u jġibhom fl-ordni? Ir-responsabbiltà aħħarija taqa’ fuq il-Kap li jrid iwarrab kull skuża u mill-aktar fis jirranġa s-sitwazzjoni jekk irid jittieħed bis-serjetà. Ir-rule of law isimha magħha, qiegħda hemm għal kulħadd. Ma għandniex tinbidel f’partiġjaniżmu politiku għaliex meta xi ħadd ma jirrispettax prinċipji sagrosanti allura nkunu qed nonqsu lill-pajjiż. L-inqas ħaġa li wieħed jistenna mill-partit fl-Oppożizzjoni hu li jirrispetta l-liġijiet. Hekk biss jintbagħat messaġġ ċar favur il-kontabbiltà u l-governanza. Hekk biss nistgħu nħarsu lejn Oppożizzjoni b’saħħitha li minnha wkoll igawdi l-pajjiż.

Ekonomija

Sport