Friday, May 3, 2024

Xufier ta’ minibus mixli bil-pussess ta’ tliet tipi ta’ droga

Deher jarmi qartas b’200g kokaina ‘l barra mill-vann waqt li l-pulizija kienu qed jiġru warajh

Aqra wkoll

Xufier ta’ minibus tressaq il-Qorti mixli bil-pussess ta’ tliet tipi ta’ droga waqt li kien fuq libertà proviżorja fuq każ ieħor. Il-Pulizija kienu ġrew warajh u minn tfittxija fil-vettura nstabet id-droga kokaina, eroina u kannabis. 

L-Ispettur Alfredo Mangion spjega lill-Maġistrat Ian Farrugia kif il-pulizija kienet irċeviet informazzjoni anonima li wasslet lill-pulizija biex issegwi minibus misjuqa minn Etienne Farrugia ta’ 45 sena minn Ħaż-Żebbuġ il-Ħamis li għadda.

Il-Qorti semgħet kif Farrugia rrifjuta milli jwaqqaf u baqa’ jsuq, bil-pulizija tiġri warajh fit-toroq taż-Żurrieq. Meta twaqqfet il-vettura ta’ Farrugia, l-uffiċjali sabu madwar 200 gramma kokaina f’qartas li deher jintefa’ ‘l barra mill-vann. 

Ammonti iżgħar ta’ sustanzi suspettati eroina u kannabis ukoll instabu ġewwa l-vann tal-akkużat.

Etienne Farrugia kien mixli bil-pussess tal-kokaina f’ċirkustanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu, kif ukoll bil-pussess tal-eroina u l-kannabis. 

Huwa kien akkużat ukoll li kien riċediv u li kiser żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest, bl-aktar waħda riċenti tmur lura biss għal April. 

Farrugia wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-purità tad-droga għadha ma ġietx stabbilita u l-fatt li din kienet it-tieni darba li huwa ġie mressaq fuq akkużi simili fi spazju ta’ ħames xhur. 

Il-Qorti ċaħdet it-talba minħabba n-natura serja tal-akkużi u n-nuqqas ta’ affidabilità min-naħa tal-imputat. Il-Qorti qalet ukoll li r-raġel jista’ jkun ta’ periklu għas-soċjetà jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest. 

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Etienne Farrugia. 

Sport