Monday, December 23, 2024

X’WASSAL GĦAR-RIŻULTAT FL-ELEZZJONI TAL-PE?

Aqra wkoll

Issa li għaddiet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ikun tajjeb li jiġi analizzat ir-riżultat u x’wassal għal dan ir-riżultat. Huwa ċar li l-elettorat Malti għadda messaġġ b’saħħtu liż-żewġ partiti u dan il-messaġġ kien rifless fuq naħa fi tnaqqis drastiku tal-maġġoranza tal-Partit Laburista u fuq in-naħa l-oħra li l-Partit Nazzjonalista m’għamel ebda gwadann imma prattikament baqa’ fejn kien.

Tant li r-rebħa li qed jgħid li għamel il-PN, jiġifieri li ħa t-tielet siġġu, ma kienet rebħa xejn imma kienet dovuta għall-fatt li eluf ta’ Laburisti ma vvotawx, ħassru l-vot jew ivvotaw għall-kandidati Indipendenti.

Issa huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel li jkun min ikun fil-Gvern irid ikun umli biżżejjed, jisma’ u jaħdem aktar biex jindirizza l-aspirazzjonijiet tal-familji Maltin u Għawdxin. Mill-mod kif bdew juru turnouts f’ċertu distretti jidher li kien hemm nuqqas ta’ interess minn nies li jmorru jivvutaw.

Dan deher ukoll għal xi raġuni f’distretti li tradizzjonalment kienu meqjusa bħala fortizzi Laburisti. F’dan il-kuntest nemmnu li l-PL irid jaħdem aktar u bl-akbar umiltà biex jikseb lura s-saħħa li kellu f’dawn id-distretti biex jerġgħu jħossuhom parti mill-familja Laburista.

Intennu li din l-elezzjoni tal-PE ma tistax tiġi kumparata ma’ elezzjoni ġenerali. Din l-elezzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet ma kinitx waħda li tbiddel jew tikkonferma Gvern.

Imma li ttella’ rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew. Għalhekk nittamaw li s-sitt MEPs Maltin jibdew jaħdmu flimkien u jikkoperaw fejn jidħol l-interess nazzjonali.

Min-naħa l-oħra, f’din l-elezzjoni, il-PN m’għandux għalxiex ikun kuntent, għaliex ir-rebħa ma kinitx tiegħu imma trijonf personali ta’ Roberta Metsola anke jekk hija rappreżentanta tal-PN.

Fuq kollox, aħna minn dejjem qbilna li dak li jkunu qed juru s-sondaġġi li jsiru minn żmien għal żmien mhumiex infallibbli tant li r-riżultat tal-elezzjoni Ewropea kien ferm ‘il bogħod minn dak li kkonkludew dawn is-sondaġġi li saru sa ftit tal-jiem qabel il-poplu ħareġ jivvota.

Għalhekk aħna naqblu mal-argument li l-elezzjonijiet, irrispettivament minn kull sondaġġ li jsir, kulħadd jitlaq 0-0. L-akbar importanza hi li l-poplu jifhem li huwa sovran u li bil-vot tiegħu jwassal il-messaġġ lill-partiti differenti.

Ekonomija

Sport