Id-difensur internazzjonali Malti Zach Muscat ħabbar permezz tal-media soċjali tiegħu li l-kuntratt li kellu ma’ GD Chaves ġie tterminat wara qbil reċiproku bejn iż-żewġ naħat. Muscat, li għandu 32 sena, kien ingħaqad ma’ Chaves propju fis-sajf li għadda.
Huwa mifhum li Muscat jinsab f’negozjati avvanzati ma’ Birkirkara, bil-possibbiltà li r-ritorn tiegħu fil-futbol Malti jista’ jkun imminenti. L-istess sorsi sostnew li l-President Dr. Chris Cardona u l-Viċi President Gordon Spiteri ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat jsegwu l-iżviluppi ta’ Muscat u mhux eskluż li fil-ġimgħat li għaddew pruvaw jantiċipaw dak li kien previst li jiġri billi saħansitra jagħmlu offerta lil Muscat.
Jekk dan il-ftehim jintlaħaq, Muscat ikun qed jirritorna mal-klabb ta’ Birkirkara, fejn kien lagħab bejn l-2012 u l-2016 qabel beda l-avventura tiegħu barra minn Malta. Dan ikun akkwist ta’ livell għoli għall-Istripes, hekk kif il-plejer iġib miegħu esperjenza vasta miksuba fil-Portugall, l-Italja u t-Turkija, kif ukoll mal-ewwel tim nazzjonali ta’ Malta.
S’issa għad m’hemm l-ebda konferma uffiċjali mingħand Birkirkara jew mill-plejer dwar il-pass li jmiss fil-karriera tiegħu.


