Thursday, July 2, 2026

Claudio Venuto … bil-passjoni, id-dedikazzjoni u l-mentalità professjonali tiegħu, ikompli jikkonferma ruħu bħala wieħed mill-uċuh ewlenin tal-Beach Soccer Malti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sena wara sena, il-beach soccer f’Malta qed ikompli jikber fil-popolarità u fil-livell kompetittiv tiegħu. Fost il-plejers li qed jagħtu kontribut importanti għal dan l-iżvilupp hemm Claudio Venuto, atleta li wara esperjenzi fil-futbol tradizzjonali u l-futsal sab postu fuq ir-ramel, fejn illum huwa wieħed mill-protagonisti ewlenin ma’ Sliema Beach Soccer u mat-tim nazzjonali Malti.

L-aħħar ġimgħat kienu partikolarment memorabbli għal Venuto. Sliema ġew inkurunati champions nazzjonali tal-beach soccer wara rebħa ta’ 3-1 fuq La Playa de Arena wara l-ħin barrani fil-finali li ntlagħbet fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa. Kienet partita bilanċjata ħafna li spiċċat 1-1 fi tmiem il-ħin regolamentari, qabel is-Slimiżi sabu l-forza biex jiskorjaw darbtejn oħra fil-ħin barrani u jżommu t-titlu f’idejhom.

Ftit tal-jiem wara, Sliema komplew jiktbu l-istorja meta fil-Euro Winners Cup f’Nazaré, il-Portugall, saru l-ewwel tim Malti li qatt rebaħ logħba f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża, b’rebħa drammatika ta’ 6-5 fuq BSC Hobby.

Meta tkellem ma’ dan is-sit, Venuto ma ħebiex is-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess miksub.

“Is-sigriet ta’ dan ir-rebħ tal-Kampjonat kien ħafna xogħol li għamilna, mhux biss ġewwa l-grawnd iżda anke barra minnu. Kulħadd kien impenjat għal għan wieħed. Inżilna nitħarrġu b’serjetà kbira u kull plejer ta l-impenn massimu tiegħu. Qabel saħansitra sifirna għall-Portugall konna diġà ħdimna ħafna biex inkunu preparati bl-aħjar mod possibbli.”

Venuto spjega li s-suċċess ma ġiex b’kumbinazzjoni, iżda kien il-frott ta’ proġett mibni fuq dixxiplina u organizzazzjoni.

“Meta tħares lura, tirrealizza kemm kien hemm sagrifiċċji minn kulħadd. Mhux il-plejers biss, iżda wkoll il-kumitat u dawk kollha li jaħdmu wara l-kwinti. Kien hemm atmosfera pożittiva u kulħadd emmen li nistgħu nirbħu.”

Dwar il-finali kontra La Playa de Arena, Venuto qal li kienet waħda mill-isbaħ logħbiet li lagħab f’dan l-isport.

“Kienet finali sabiħa ħafna. Iż-żewġ timijiet kienu determinati li jirbħu u ħadd ma ried jagħti ċans lill-ieħor. Kien beach soccer attraenti, b’ħafna intensità u opportunitajiet ta’ skor. Spiċċajna mmorru għall-ħin barrani u hemm irnexxielna nagħmlu d-differenza. Kienet rebħa li tassew ħaqqna.”

Is-suċċess domestiku ta lil Sliema spinta morali importanti wkoll għall-impenji Ewropej. Fil-Euro Winners Cup f’Nazaré, il-Portugall, it-tim Slimiż kiteb paġna oħra fl-istorja meta sar l-ewwel tim Malti li qatt rebaħ partita f’din il-kompetizzjoni, b’rebħa drammatika ta’ 6-5 fuq BSC Hobby. Dan ir-riżultat kompla jikkonferma l-progress li qed jagħmel il-klabb fuq livell internazzjonali.

L-imħabba tiegħu lejn il-beach soccer bdiet erba’ snin ilu, kważi b’kumbinazzjoni.

“Kont dejjem insegwi l-logħob fuq it-televiżjoni u kont affaxxinat bl-akrobaziji u l-gowls spettakolari. Meta ġietni l-opportunità nippruvah, ma ħsibtx darbtejn. Attendejt kamp ta’ taħriġ u minn hemm beda kollox. Illum il-beach soccer sar parti importanti minn ħajti.”

Qabel ma beda jilgħab fuq ir-ramel, Venuto kellu esperjenzi fil-futbol tradizzjonali, xi ħaġa li għenitu jiżviluppa bħala plejer.

“Il-futbol tani bażi teknika tajba ħafna. Il-kontroll tal-ballun, il-mod kif taqra l-logħba u l-mentalità kompetittiva jgħinuk ħafna. Imma fuq ir-ramel trid tadatta. Hawnhekk għandek bżonn aktar bilanċ, aktar saħħa fiżika u kapaċità li tieħu deċiżjonijiet malajr.”

Esperjenza oħra li jgħożż ħafna hija dik mat-tim nazzjonali Malti tal-beach soccer, immexxi minn Marco Casarsa.

“Din hija t-tielet sena tiegħi mat-tim nazzjonali u kull kompetizzjoni barra minn Malta tgħallimni xi ħaġa ġdida. Lgħabna fl-Ażerbajġan, Pisa, Sardegna u Cádiz. Tiltaqa’ ma’ plejers ta’ livell għoli u tifhem xi jfisser taħdem b’mod professjonali. Dawn l-esperjenzi jagħmluk plejer aħjar u jagħtu kunfidenza lit-tim kollu.”

Venuto jemmen li l-livell tal-beach soccer f’Malta qed javvanza b’pass mgħaġġel.

“Naħseb li kull sena qed naraw progress. Hemm aktar interess, aktar timijiet organizzati u aktar nies lesti jinvestu ħinhom. Għad fadlilna triq twila x’nimxu, iżda l-potenzjal jeżisti. Jekk nibqgħu naħdmu b’dan il-mod, nistgħu nkomplu ntejbu l-livell tagħna.”

Huwa semma wkoll l-importanza li jkun hemm aktar investiment fil-faċilitajiet.

“Fil-preżent nilagħbu fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa, li hija post tajjeb ħafna, iżda dejjem hemm lok biex jitjiebu l-faċilitajiet u jingħata aktar appoġġ lil dan l-isport.”

Minkejja s-suċċessi li kiseb s’issa, Venuto għadu ħerqan għal aktar.

“Nixtieq inkompli nikber kemm ma’ Sliema kif ukoll mat-tim nazzjonali. Inħoss li għad għandi ħafna x’nagħti u rrid inkompli ntejjeb il-livell tiegħi sena wara sena.”

Fl-aħħar, huwa kellu messaġġ ċar għal dawk li qed jaħsbu biex jibdew jilagħbu l-beach soccer.

“Ninkoraġġixxi lil kulħadd biex jipprova. L-ewwel sessjonijiet jistgħu jkunu diffiċli għax ir-ramel jitlob sforz differenti, iżda aktar ma tilgħab aktar tibda tħobbu. Huwa sport spettakolari li jagħtik sodisfazzjon kbir, jgħallmek taħdem bħala tim u joffrilek esperjenzi li diffiċli ssibhom f’dixxiplini oħra.”

Bil-passjoni, id-dedikazzjoni u l-mentalità professjonali tiegħu, Claudio Venuto qed jikkonferma ruħu bħala wieħed mill-uċuħ ewlenin tal-beach soccer Malti u figura li tista’ tkompli tmexxi dan l-isport lejn suċċessi dejjem akbar fis-snin li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport