Monday, November 11, 2024

Żagħżugħ mixli li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 22 sena residenti l-Belt Valletta nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li kiser tliet settijiet ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u ordni ta’ probation mogħtija f’Ġunju li għadda. Huwa kien ukoll mixli li sar reċediv.

L-Ispettur Lydon Zammit spjega kif fil-ġimgħat li għaddew, Simon Leyton Rachid naqas milli jiffirma l-Għassa u li tilef ukoll kull smigħ fil-Qorti li kellu jattendi. Aktar tard iż-żagħżugħ spjega li kien qed isofri minn uġigħ f’sidru u ħareġ mid-dar biss biex imur għand it-tabib.

Meta l-Erbgħa li għadda, il-pulizija ħabbtu mal-bieb tiegħu, ħadd ma wieġeb. Aktar tard iż-żagħżugħ tkellem magħhom fuq il-mobile fejn sostna li kien l-Isptar Mater Dei mingħajr ma indika eżatt fejn kien qiegħed.

Il-pulizija tkellmet ma’ oħt l-imputat u wissietha li mhux se jittolleraw dan kollu. Aktar tard, oħtu akkumpanjat lil ħuha fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u wara kien skortat fiċ-ċentru tas-saħħa fil-Furjana.

Hemmhekk ġie kkonfermat li kellu infezzjoni u ngħata l-mediċina. Għalkemm sostna li kellu ċertifikat mit-tobba, l-unika ċertifikat li ppreżenta ma kienx ikopri l-perjodu kollha mill-15 ta’ Ġunju. Apparti minn hekk, it-tabib li kien ħareġ iċ-ċertifikat kellu klinika f’Ħal Qormi aktar milli l-Belt Valletta.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, bl-imputat jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Stephen Gulia. L-Avukat David Gatt deher għall-imputat.

Sport