Saturday, May 18, 2024

Żagħżugħ ta’ 15-il sena saq għal fuq il-pulizija wara li allegatament seraq affarijiet minn Marsaxlokk

Fi tfittxija fil-karozza nstabu pakketti suspettati bi droga kokaina

Aqra wkoll

Azzjoni immedjata mill-Pulizija wasslet sabiex żagħżugħ ta’ 15-il sena ġie arrestat ftit minuti wara li allegatament wettaq serqa.

Għall-ħabta tas-1:20 a.m, il-Pulizja kienet infurmata li kienet għadha kemm seħħet serqa minn fuq dgħajsa f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn immedjatament bdiet bit-tfittxijiet wara li ngħataw deskrizzjoni ta’ karozza li allegatement kienet qed tintuża minn dawk involuti.

Ftit tal-minuti biss wara l-Pulizija nnotat il-karozza li allegatament kienet użata waqt is-serqa tinstaq f’Bormla. Kif is-sewwieq induna bil-preżenza tal-Pulizija, dan ipprova jaħrab u saq b’veloċità qawwija fid-direzzjoni tal-uffiċjali, bil-Pulizija kellhom jersqu min-nofs sabiex ma jintlaqtux.

Minnufih huma segwew il-karozza f’diversi toroq sakemm irnexxielhom iwaqqfquha u jarrestaw lis-sewwieq, li ġie identifikat bħala żagħżugħ ta’ 15-il sena.

Waqt it-tfittxija fil-karozza nstabu numru ta’ oġġetti li allegatament kienu ġew misruqa minn fuq xi dgħajjes, kif ukoll żewġ pakketti b’sustanza suspettata kokaina.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward dan il-każ għadhom għaddejjin.

Sport