Monday, May 6, 2024

ARA: Wirja bi statwi identiċi għal dawk fil-film ‘Passion of the Christ’ fil-Fgura

Aqra wkoll

F’dawn iż-żminijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa numru ta’ parroċċi madwar Malta, itellgħu l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira filwaqt li ħafna każini tal-banda u anke djar privati jkollhom wirjiet uniċi li jagħtu stampa ċara taż-żminijiet li qed ngħixu bħalissa. 

YouTube video

Waħda minn dawn il-wirjiet qed isseħħ fil-Fgura eżattament f’Sala San Ġorġ Preca jew kif ħafna jafuha bħala l-Knisja l-Qadima. L-eżebizzjoni jisimha “Jerfa’ Dnubietna” u kif jgħid l-isem it-tema hu proprju Ġesu’ Kristu li miet għalina l-bnedmin biex isalvana. Litteralment refa’ dnubietna sabiex aħna l-bnedmin insalvaw mill-jasar tad-dnub.  

U tassew li din hi wirja unika għax is-Sala San Ġorġ Preca inbidlet f’passaġġ li jieħu lil kull min jirfes fuqu fuq vjaġġ riflessiv u ta’ ġabra kbira. Hawnhekk jinġabru l-episodji differenti li sawru l-istorja tal-passjoni ta’ Sidna ĠesuKristu.   

F’din il-wirja, l-istatwi life-size tul dan il-passaġġ jolqtu l-għajn u  jagħtu ħajja u anke stampa ċara tal-mumenti partikolari li seħħew aktar minn elfejn sena ilumeta ġrat din il-ġrajja. 

Din is-sena hemm novita’ ġdida hekk kif  żdiedet statwa oħra mal-ħafna li diġa’ hemm peress li din tirrappreżenta lil Kristu fil-ħabs.  Il-ħarsa tiegħu hi waħda li tħallik bla kliem bid-dettall kollha li fiha bħala statwa. 

Tkellimna ma’ Ryan Bezzina li hu wieħed minn dawk li tella’ din l-eżibizzjoni u li tana aktar dettalji ta’ kif x’jispikka l-aktar f’ċerti statwi life-size li hawn f’dini s-sala.  

“Tajjeb li wieħed jgħid li dawn l-istatwi huma identiċi għal dawk fil-film sinonimu ma’ dawn iż-żminijiet, ‘Passion of the Christ’.  

 “Il-life-size aħna noqogħdu ħafna attenti fix-xenarji, fuq id-dwal, il-ħsejjes, li jkun kollox kemm jista’ awtentiku filwaqt li jkun viċin dak li naraw u nisimgħufil-film.” 

Filfatt James Azzopardi li hu statwarju, qagħad ifittex ħafna ċerti dettalji fosthom, l-ilbiesi, id-daqqiet u dak kollu li “Passion of the Christ” joffri. 

Sadanittant din l-eżibizzjoni qed tiġi organizzata mill-Kummissjoni Festa Esterna tal-Fgura, u tinkludi statwi fil-minjatura, arti sagra, u platti tal-ismid li huma tant artistiċi u sbieħ.   

Waqt li wieħed qed jimxi madwar dan il-passaġġ, jista’ jinnota s-sepulkru antic li jeħodna lura madwar mitejn sen u l-mejda tal-appostli bid-damaskeżatt kif tidħol fl-entratura.  

F’din il-wirja, ingħatat attenzjoni partikolari wkoll lill-irxoxt, il-mument meta Sidna Ġesu Kristu qam mill-mewt.    

“Din is-sena ħadna ħsieb li nagħmlu wkoll statwi tal-irxoxt differenti li huma ta’ artisti lokali, nofshom fiċ-ċokon u hawn minnhom ukoll abbozzi li qegħdin fil-knejjes lokali, fosthom ta’ Ħal Luqa u tan-Naxxar. Nippruvaw noħolqu xi ħaġa sabiex dawk dilettanti tal-Ġimgħa Mqaddsa jkollhom x’jaraw.” 

Din il-wirja fis-Sala San Ġorġ Preca, Triq Tal-Karmelitani, il-Fgura se tkun miftuħa fil-Ġimgħa l-Kbira mit-tmienja u nofs ta’ filgħodu san-nofs siegħa.  

Sport