Sunday, December 22, 2024

Żdiedu l-istudenti barranin għal korsijiet tal-Ingliż f’Malta

Aqra wkoll

L-istudenti barranin li matul is-sena 2023, attendew korsijiet f’Malta mogħtija mill-iskejjel liċenzjati għat-Tagħlim tal-Ilsien Ingliż (ELT) laħaq it-78,567, li jfisser żieda taʼ 21,892 fuq is-sena ta’ qabel, skont ċifri publikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

L-istess ċifri jindikaw li l-maġġoranza tal-istudenti barranin fʼMalta ġew mill-Italja (27.8 fil-mija), mill-Ġermanja (10.4 fil-mija) u minn Franza (9.0 fil-mija). Bʼkollox, 73.9 fil-mija tal-istudenti ġew minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dawn għamlu 273,131 ġimgħa taʼ tagħlim.

Fl-istess sena 2023, l-iskejjel tal-ELT ħaddmu magħhom 1,223 persuna li aktar  minn nofshom kienu għalliema.

Il-parti l-kbira tal-istudenti tal-ELT kellhom 15-il sena jew anqas u kienu jammontaw għal 28.3 fil-mija tal-istudenti kollha. Studenti taʼ 50 sena jew aktar kienu jgħoddu 6,080. 

L-istudenti femminili kienu aktar minn dawk maskili u kienu jgħoddu 61.9 fil-mija tal-istudenti kollha tal-ELT. Il-kors bl-akbar għadd taʼ studenti li qagħdu għalih kien il-‘General English: Standard’, li għamluh total taʼ 57,384 student, jew 73.1 fil-mija. Warajh, kien hemm il-korsijiet tal-‘Intensive English’ li għamluhom 16.5 fil-mija tal-istudenti kollha. 

Ekonomija

Sport