Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta wettaq b’suċċess żewġ operazzjonijiet ta’ ritorn matul din ilġimgħa, li permezz tagħhom żewġ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġew irritornati lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom fl-Afrika ta’ Fuq.
Wieħed minn dawn l-individwi kien diġà serva sentenza ta’ priġunerija wara li nstab ħati b’rabta ma’ attentat ta’ qtil ta’ raġel fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, fl-2016. It-tieni individwu kien instab ħati li għamel użu minn passaport iffalsifikat.
Wara li ġew eżawriti l-proċeduri kollha meħtieġa, dan ukoll ġie rritornat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Fiż-żewġ każijiet, inħarġu projbizzjonijiet fuq id-dħul li jipprojbixxu lil dawn l-individwi milli jerġgħu jidħlu fiż-Żona Schengen.
B’dawn iż-żewġ operazzjonijiet, it-total ta’ persuni li ġew deportati minn Malta matul din is-sena tela’ għal 19-il persuna.
Il-messagg huwa ċar: Malta tilqa’ lil min jirrispetta l-liġijiet tagħha, iżda mhux se tittollera lillegalità, il-kriminalità jew l-abbuż mis-sistema.
