Introdotta teknoloġija ġdida għall-ittestjar tal-UTIs fil-komunità

Aqra wkoll

Hekk kif Malta qed tkompli tesplora modi kif is-servizzi tas-saħħa jinġiebu aktar qrib il-komunitajiet, teknoloġija dijanjostika ġdida introdotta f’spiżerija lokali turi kif mudelli ta’ kura tas-saħħa aktar deċentralizzati jistgħu jtejbu l-aċċess tal-pazjenti filwaqt li jnaqqsu l-piż fuq is-sistema ċentrali tas-saħħa.

Vivian MediTech, id-diviżjoni tat-teknoloġija tas-saħħa ta’ Vivian, għadha kemm introduċiet il-PA-100 AST System, teknoloġija dijanjostika żviluppata minn Sysmex Astrego li tippermetti li l-ittestjar tas-sensittività tal-antibijotiċi jsir aktar qrib il-post fejn il-pazjenti jfittxu l-ewwel għajnuna, inkluż f’ambjenti ta’ spiżeriji komunitarji.

It-teknoloġija ngħatat il-Longitude Prize tal-2024 dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u tinsab esebita fil-Mużew tax-Xjenza f’Londra flimkien ma’ innovazzjonijiet mediċi oħra, fosthom l-iskoperta tal-peniċillina.

L-infezzjonijiet fl-apparat urinarju (UTIs) huma fost l-aktar infezzjonijiet batteriċi komuni li jiġu kkurati fil-kura primarja, b’mod partikolari fost in-nisa. F’ħafna każijiet, id-deċiżjonijiet dwar it-trattament jittieħdu qabel ma jkunu disponibbli r-riżultati tal-laboratorju, u għalhekk l-antibijotiċi jistgħu jiġu preskritti abbażi tal-valutazzjoni klinika waqt li tkun qed tistenna konferma tal-aktar trattament effettiv.

Billi l-ittestjar rapidu jinġieb aktar qrib tal-pazjent, teknoloġiji bħall-PA-100 joffru mudell fejn ċerti servizzi dijanjostiċi jistgħu dejjem aktar jiġu pprovduti fil-komunità, u b’hekk il-pazjenti jkollhom aċċess għar-riżultati aktar malajr filwaqt li l-professjonisti tas-saħħa jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta’ trattament aktar infurmati fi stadju aktar bikri.

“Is-sistema tas-saħħa ta’ Malta, bħal ħafna sistemi oħra, qed tfittex modi kif tagħmel il-kura aktar aċċessibbli billi s-servizzi xierqa jinġiebu aktar qrib il-komunitajiet,” spjegat Dense Borg Manche, Managing Director ta’ Vivian.

“Il-farmaċiji komunitarji u fornituri oħra tal-kura tas-saħħa fuq quddiem diġà għandhom rwol importanti fl-appoġġ lill-pazjenti. Li dawn jingħataw għodod dijanjostiċi xierqa jista’ jgħin biex tinħoloq sistema tas-saħħa aktar konnessa, fejn il-pazjenti jirċievu appoġġ f’waqtu filwaqt li l-isptarijiet u l-laboratorji ċentrali jkunu jistgħu jiffukaw ir-riżorsi fejn hemm l-akbar bżonn.”

L-introduzzjoni ta’ kapaċità dijanjostika rapida f’ambjenti komunitarji tirrifletti bidla usa’ lejn mudelli ta’ kura tas-saħħa aktar aċċessibbli u deċentralizzati, fejn is-servizzi xierqa jinġiebu aktar qrib il-pazjenti minflok kull interazzjoni tiddependi fuq faċilitajiet ċentrali.

L-ewwel spiżerija komunitarja f’Malta li investiet fis-PA-100 AST System kienet Polymer Żabbar Pharmacy, li integrat it-teknoloġija bħala parti mis-servizzi tagħha ta’ appoġġ lill-pazjenti.

“Il-pazjenti spiss jiġu għandna jfittxu gwida f’waqtha, speċjalment meta jkunu qed jesperjenzaw skumdità u inċertezza,” qalet Christine Scicluna, Operations Manager ta’ Polymer Żabbar Pharmacy.

“L-aċċess għal informazzjoni dijanjostika aktar rapida jippermettilna jkollna diskussjonijiet aktar sinifikanti mal-pazjenti u nappoġġjaw deċiżjonijiet ta’ kura tas-saħħa aktar infurmati. Dan isaħħaħ ukoll ir-rwol tal-farmaċija komunitarja bħala parti min-netwerk usa’ tal-kura tas-saħħa.”

Hekk kif is-sistemi tas-saħħa madwar id-dinja qed jesploraw modi kif itejbu l-aċċessibbiltà, inaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija u jużaw ir-riżorsi b’mod aktar effiċjenti, id-dijanjostika bbażata fil-komunità hija eżempju prattiku kif il-kura tinġieb aktar qrib in-nies filwaqt jitnaqqas il-piż fuq is-sistema ċentrali tas-saħħa.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport