Bħalissa ninsabu f’nofs l-istaġun tal-festi Maltin. U dak li fadal sa tmiem dan l-istaġun jixhdu l-popolarità li dawn qed ikabbru man-nies tal-lokal u anke mal-barranin li jiġu jżuruna bħala turisti f’dawn ix-xhur.
Fl-imgħoddi, kull Gvern ħadem bl-istil tiegħu biex iqawwi u jkattar il-kultura tal-festi Maltin. Dan għaliex dawn għandhom potenzjal ekonomiku x’jikkontribwixxu lejn il-pajjiż. Naqblu li qatt daqs illum ma qed naraw dawn il-festi jikbru permezz tal-għajnuna li qed jingħataw mill-Istat. Tant hu hekk li l-UNESCO ddikjarat lill-festa Maltija bħala wirt kulturali intanġibbli.
Għalina, dan mhu xejn inqas minn rivoluzzjoni kulturali kbira li forsi lanqas qed nagħtu kas l-importanza tagħha. Taħt amministrazzjoni Laburista, kemm ta’ Joseph Muscat u anki ta’ Robert Abela, rajna bidla kbira fl-attitudni.
Bidla li minn sitwazzjoni fejn il-festi kienu jiddependu kważi għalkollox fuq il-ħidma sfiqa ta’ ħafna volontiera u benefatturi, illum għandna festi li qed jingħataw sostenn u appoġġ qawwi mill-Gvern. Kull festa qed tingħata għajnuna finanzjarja sostanzjali li tlaħħaq il-mijiet tal-eluf ta’ ewro.
Dawn l-għajnuniet finanzjarji kollha qatt ma konna nisimgħu bihom qabel. Qatt daqs illum ma kien hemm skemi apposta mħaddma mill-gvern sabiex isostnu l-festi titulari u sekondarji fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin kollha.
Il-mentalità dwar il-festi Maltin evolviet tant illi fejn qabel il-pika kienet tant kbira li xi kultant kienet twassal għal affarijiet mhux mixtieqa, illum il-festi u l-marċi qed isiru b’aktar trankwillità u pjaċevoli għan-nies tal-lokalità u għal dawk id-dilettanti li jħobbu jżuru l-festi f’diversi lokalitajiet.
