Meloni tkompli tipprova testernalizza  l-kwistjoni tal-immigrazzjoni… …Spanja tirreaġixxi…il-kwistjoni hi lil hinn minn dak li ġara f’Ceuta

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dak li ġara f’Ceuta ftit jiem ilu metą madwar 50,000 persuna għamu lejn Ceuta li hi art Spanjola, kompla joħloq għadd ta’ kontroversji. Wara li għadd ta’ gruppi tal-lemin estrrem qabżu fuq din il-kwistjoni biex joħolqu biża’, kellna l-Gvern ta’ Giorgia Meloni – li hu magħruf x’ideat iħaddan, li immedjatament waqt li kienet qed tiżviluppa din il-kwistjoni b’mod mgħaġġel iddeċieda li jintroduċi kontrolli fuq persuni li ġejjin minn Spanja.

Proprju nhar il-Ġimgħa, Spanja talbet lill-Italja biex treġġa’ lura l-kontrolli tagħha sal-Ħadd, iżda l-Italja ma aċċettatx u qalet li se jibqgħu fis-seħħ mill-inqas sal-15 ta’ Awwissu. Il-kriżi poġġiet lill-mexxej Soċjalista ta’ Spanja Pedro Sanchez f’konfront mal-mexxej konservattiv tal-Italja Giorgia Meloni – li ilha titlob regoli aktar stretti tal-migrazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Spanja ma qagħditx lura u rreaġixxiet. Dan billi daħlet kontrolli mal-fruntieri għal kull min jivvjaġġa lejn l-Italja. Il-miżuri Taljani mistennija idumu xahar.

Il-kwistjoni tmur lil hinn minn Ceuta

Irid jingħad li hu ċar ħafna li l-kwistjoni tmur lil hinn minn dak li ġara f’Ceuta. Il-Gvern ta’ Meloni u miegħu oħrajn li jħaddnu l-istess twemmin b’mod partikolari dwar l-immigrazzjoni u l-kontroll tagħha, mill-ewwel qabżu fuq il-kwistjoni. Dan għax l-Italja u pajjiżi oħra ilhom jimbuttaw għal esternalizazzjoni tal-kwistjoni tal-immigrazzjoni u dan biex ikun hemm kontrolli qawwijin mal-Ewropa kollha.

Dak li ġara bejn l-Italja u Spanja, seħħ għaliex għandna żewġ mexxejja li jinsabu fuq naħat politiċi differenti ħafna.  Fuq naħa għandek lil Pedro Sánchez, il-Prim Ministru Soċjalista ta’ Spanja li jirrappreżenta politika ċentru-xellug, b’enfasi fuq integrazzjoni Ewropea, politika soċjali u deċiżjonijiet ktar flessibbli lejn il-migrazzjoni.

Minn naħa tagħha, Giorgia Meloni, li kulħadd jaj li fil-passat tagħha kienet parti mill-lemin estrem, hi l-Prim Ministru Taljana u mexxejja tal-Fratelli d’Italia; tirrappreżenta l-lemin konservattiv u politika stretta dwar l-immigrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri.  Wieħed ma jridx jinsa minn fein telqet Meloni. Hi kienet  ngħaqdet mal-Front taż-Żgħażagħ, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Moviment Soċjali Taljan (MSI), partit politiku neo-faxxista mwaqqaf fis-sena 1946 minn segwaċi tal-faxxiżmu Taljan. Aktar tard saret il-mexxejja nazzjonali tal-Azzjoni Studenteska, il-moviment studentesk tal-Alleanza Nazzjonali (AN), partit post-faxxista li sar is-suċċessur legali tal-MSI fis-sena 1995 u mexa lejn il-konservatiżmu nazzjonali. Kienet kunsillier tal-provinċja ta’ Ruma mis-sena 1998 sas-sena 2002, u wara saret il-President tal-Azzjoni Żgħażagħ, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Alleanza Nazzjonali. B’dan f’moħħok tifhem għaliex Meloni hi kontra l-immigrazzjoni u għaliex tagħmel minn kollox biex testernalizza l-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Il-konfront bejn Meloni 

u Sanchez 

Fl-aħħar jiem il-konfront bejn Sánchez u Meloni sploda minħabba l-immigrazzjoni. Il-kriżi f’Ceuta wasslet għal tilwima diplomatika bejn Madrid u Ruma, liema tilwima kienet ilha biex tfaqqa’. L-Italja ta’ Meloni introduċiet kontrolli fuq il-frontiera ma’ Spanja, filwaqt li Sánchez ikkritika l-miżura u talab li titneħħa. Spanja saħansitra introduċiet kontrolli temporanji fuq vjaġġaturi li jaslu mill-Italja. Il-kunflitt hu b’Meloni targumenta għal kontroll aktar qawwi tal-fruntieri Ewropej, filwaqt li Sánchez jiddefendi deċiżjonijiet aktar inklussiv għall-migrazzjoni. Id-differenzi tagħhom dehret wkoll fuq il-kwistjoni Mercosur, il-politika barranija u l-futur tal-Unjoni Ewropea.

Waqt li fi ħdan l-Unjoni Ewropea konna qegħdin naraw lil Spanja  b’xellug progressiv kontra l-lemin konservattiv tal-Italja ta’ Meloni b’mod partikolari fuq l-immigrazzjoni u l-futur tal-Unjoni Ewropea, issa qegħdin naraw fażi litteralment ġdida tal-kunflitt, dik ta’  konfront diplomatiku dirett bejn Spanja u l-Italja.

Il-ġlieda hi dwar kif l-Ewropa għandha

titratta l-immigrazzjoni

Hu ċar ħafna li din il-kwistjoni, għalkemm faqqgħet fuq il-każ ta’ Ceuta, mhix kwistjoni biss bejn Sanchez u Meloni personalment, imma hi tilwima dwar kif l-Unjoni Ewropa, suppost magħrufa għas-solidarjetà, il-valuri u d-drittijiet umani, għandha titratta l-immigrazzjoni.  Fuq naħa Meloni trid aktar kontrolli fuq il-fruntieri, prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari u aktar setgħat lill-Istati Nazzjonali.

Minn naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol immexxi minn Sancheż irid soluzzojni Ewropea għall-immigrazzjoni, irid aktar koperazzjoni bejn l-Istati membri  u kontra li l-kontrolli interni ta’ Schengen jintużaw bħala reazioni politika għall-kriżi.

Għalhekk il-kwistjoni saret ukoll test għall-prinċipju ta’ Schengen u għall-unità tal-Unjoni Ewropea.

Id-differenzi bar fil-politika tal-immigrazzjoni bejn Spanja u l-Italja…

Il-politika ta’ Spanja….nofs miljun

immigrant mogħtija status legali

Ta’ min jgħid li f’April li għadda Spanja imbarkat fuq regolirazazzjoni kbira. Il-gvern ta’ Pedro Sánchez approva programm straordinarju biex jagħti status legali lil mijiet ta’ eluf ta’ immigranti li diġà jgħixu fi Spanja. Il-programm kien mistenni jaffettwa madwar 500,000 persuna. Sa Ġunju  aktar minn miljun persuna kienu ressqu applikazzjoni għall-legalizzazzjoni—kważi d-doppju tal-istima inizjali tal-gvern.

Il-gvern ta’ Sánchez jargumenta li l-immigrazzjoni tgħin biex tindirizza nuqqas ta’ ħaddiema, tixpruna l-popolazzjoni u tappoġġja t-tkabbir ekonomiku. Fis-sena 2026, persuni mwielda barra minn Spanja kienu jirrappreżentaw madwar 20.3 fil-mija tal-popolazzjoni, jiġifieri aktar minn 10 miljun persuna.

Il-politika Spanjola qed toħloq tensjoni ma’ gvernijiet Ewropej li qed jippreferu kontrolli aktar stretti fosthom l-Italja.

Il-kritika lejn Meloni fuq l-immigrazzjoni

Il-Gvern Taljan ta’ Giorgia Meloni minħabba l-pożizzjoni iebsa li qiegħed jieħu fuq l-immigrazzjoni, qed jiffaċċja kritika minn għadd ta’ bnadi. Il-Gvern Spanjol fl-aħħar jiem jikkritika bil-kir lil Meloni talli imponiet kontrolli fuq il-fruntiera bejn l-Italja u Spanja minħabba l-kriżi ta’ Ceuta. Madrid qed tgħid li l-miżura hija mhux ġustifikata u diskriminatorja.

Mill-banda l-oħra, kritiċi Ewropej  jakkużaw lill-gvern ta’ Meloni li qed juża l-kriżi ta’ Ceuta politikament biex jimbotta l-aġenda tagħha kontra l-immigrazzjoni u tagħmel pressjoni fuq Sánchez.

  • Il-kritika ewlenija hija li Meloni qed titlob aktar kontroll fuq il-fruntieri ta’ Schengen, filwaqt li Spanja targumenta li l-problema ta’ Ceuta m’għandhiex tintuża biex jiġu ristretti l-movimenti bejn pajjiżi tal-UE.

Fl-istess ħin, Meloni qed tikkritika lil Sánchez b’mod qawwi għall-politika tiegħu dwar il-migrazzjoni.

Jekk inħarsu lejn il-mod ġenerali kif l-Italja qed tiġi kritikata fuq l-immigrazzjoni,  naraw li hemm diversi linji ta’ kritika. 

Il-ftehim mal-Albanija

Din hija waħda mill-aktar kontroversji kbar. Il-gvern ta’ Meloni ħoloq ċentri fl-Albanija biex ċerti migranti jiġu pproċessati barra mit-territorju Taljan. Il-kritiċi argumentaw li l-mudell huwa għali meta mqabbel man-numru ta’ persuni effettivament ipproċessati. Jargumentaw li dan jista’ jdgħajjef id-dritt għall-ażil. Argument ieħor hu li ż-żamma ta’ persuni barra mill-Italja tqajjem problemi ta’ ġurisdizzjoni u protezzjoni legali. Apparti dan,  il-qrati Taljani sfidaw diversi drabi l-applikazzjoni tal-mudell.

Fl-2026, madankollu, id-deċiżjoni ta’ Meloni kiseb aktar appoġġ Ewropew, u hija qed tippreżenta l-“Albania model” bħala mudell għall-politika Ewropea ta’ ritorn.

Akkużi li l-politika hija wisq repressiva

Human Rights Watch  hi waħda minn dawk li kkritikat il-politika Taljana bħala mudell repressiv ta’ kontroll tal-migrazzjoni, b’referenza għad-detenzjoni fl-Albanija u restrizzjonijiet fuq operazzjonijiet umanitarji ta’ salvataġġ fuq il-baħar.

Il-kritika hija li l-migrant qed jiġi trattat primarjament bħala kwistjoni ta’ sigurtà, aktar milli bħala persuna li jista’ jkollha bżonn protezzjoni internazzjonali.

Il-kunflitt ma’ NGOs li jsalvaw migranti

Hemm il-kwistjoni tal-kunflitt ma’ organizzazzjonijiet umanitarji li kkritikaw ir-regoli Taljani li jirregolaw il-bastimenti tas-salvataġġ fiċ-ċentru tal-Mediterran.

L-argument tagħhom huwa li restrizzjonijiet fuq fejn jistgħu jmorru l-bastimenti u kemm-il darba jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ jistgħu jnaqqsu l-kapaċità ta’ salvataġġ fil-Mediterran. Din hija parti mill-kritika aktar wiesgħa li l-gvern ta’ Meloni qed jipprova jagħmel l-operazzjonijiet ta’ NGOs aktar diffiċli.

Konfront mal-ġudikatura Taljana

Il-Gvern ta’ Meloni spiss spiċċa f’konfront mal-ġudikatura minħabba l-immigrazzjoni. Il-gvern ta’ Meloni kkritika deċiżjonijiet ta’ mħallfin li waqqfu jew illimitaw ċerti trasferimenti ta’ migranti lejn l-Albanija.

Min-naħa l-oħra, il-Kunsill tal-Ewropa wissa dwar kritika eċċessiva kontra mħallfin li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-migrazzjoni u enfasizza l-ħtieġa li tiġi protetta l-indipendenza tal-ġudikatura.

 Il-politika ta’ ritorn ta’ immigranti

Il-Gvern ta’ Giorgia Meloni għamel ir-ritorn ta’ migranti li m’għandhomx dritt jibqgħu wieħed mill-pilastri tal-politika tiegħu. Il-kritiċi jibżgħu li enfasi eċċessiva fuq ir-ritorn tista’ twassal għal deportazzjonijiet mgħaġġla mingħajr biżżejjed garanziji legali.

Fis-sena 2026 il-Parlament Ewropew b’ħafna ewforija approva bidliet li jiffaċilitaw aktar ritorni u l-użu ta’ “safe third countries”, li Meloni faħħret bħala pass storiku. NGOs u kritiċi, min-naħa tagħhom, wissew dwar il-konsegwenzi għad-drittijiet tal-applikanti għall-ażil.

Kritika mill-Oppożizzjoni fl-Italja

Fl-Italja, l-Oppożizzjoni tikkritika lil Meloni minn żewġ direzzjonijiet differenti: ix-xellug jgħid li l-politika hija krudili u kontra d-drittijiet tal-bniedem. Setturi oħra jgħidu li, minkejja r-retorika iebsa tagħha, il-gvern ma rnexxilux jelimina l-migrazzjoni irregolari.

Din it-tieni kritika hija interessanti: Meloni waslet għall-gvern b’wegħdiet ta’ kontroll ferm akbar tal-flussi, iżda l-problema kompliet tkun waħda mill-aktar kwistjonijiet diffiċli fl-Italja.

L-akkuża ta’ “strumentalizzazzjoni politika”

Din hija waħda mill-aktar kritika qawwija kontra Meloni minn Sánchez u l-kamp politiku tiegħu. L-akkuża hija li Meloni kultant tuża kriżijiet migratorji biex issaħħaħ il-messaġġ politiku tagħha dwar: immigrazzjoni, is-sigurtà, il-fruntieri  u s-sovranità nazzjonali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport