Wara li ftit tal-jiem ilu, il-Qorti ċaħdet talba ta’ Jason Azzopardi għall-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali kontra l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, ilbieraħ żewġ Maġistrati oħra astjenew milli jieħdu konjizzjoni tat-talbiet tal-istess Azzopardi biex jinfetħu inkjesti din id-darba fil-konfront tal-Ministru Clint Camilleri u martu fost oħrajn.
Wieħed mir-rikorsi ta’ Azzopardi kien b’rabta ma’ allegazzjonijiet b’rabta mal-ħruġ ta’ rmiġġi fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex, fejn kien talab li tinfetaħ inkjesta maġisterjali fil-konfront ta’ ħames persuni fosthom il-Ministru Camilleri.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Ian Farrugia qal li huwa ma kellux ġurisdizzjoni fuq dak li jseħħ fil-gżira t’Għawdex, u la jista’ jiddeċiedi jekk hemmx lok li tiġi ordnata inkjesta maġisterjali f’Għawdex u lanqas – dejjem jekk ikun il-każ – li proprju jkun huwa li jikkonduċi inkjesta maġisterjali ġewwa Għawdex.
Kien għalhekk li laqa’ l-eċċezzjoni ta’ natura preliminari tad-denunzjati kollha u astjena milli jkompli jieħu konjizzjoni tar-rikors ta’ Azzopardi li kien ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2024.
Jason Azzopardi kien ippreżenta rikors ieħor din id-darba fil-konfront tal-Ministru Clint Camilleri u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex b’rabta mal-proġett tal-pixxina f’Għawdex.
Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici nnota li għalkemm ir-rikors kien ippreżentat fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) fit-30 ta’ Diċembru 2024, fil-jum meta kien huwa għassa, il-kontenut tar-rikors jirrigwardja allegazzjonijiet li saru fil-gżira t’Għawdex. Għalhekk dan ir-rikors kien joħroġ barra mill-assenjazzjoni tiegħu, bil-Maġistrat Agius Bonnici jastjeni milli jieħu konjizzjoni ulterjuri tiegħu.
B’reazzjoni, l-Avukat Jason Azzopardi qal li se jkun qed jippreżenta dawn ir-rikorsi fil-Qorti t’Għawdex.