Sunday, December 22, 2024

Żewġ persuni arrestati b’rabta mal-isparatura fil-Gżira

Aqra wkoll

Il-Pulizija qiegħda tkellem żewġt irġiel b’rabta mal-isparatura li seħħet fil-Gżira wara argument bejn tlett irġiel fejn  wieħed minnhom allegatament spara fid-direzzjoni tal-vittma, waqt li raġel ieħor, li kien fil-kumpanija tal-allegat aggressur, ħarbu minn fuq il-post.

Wara investigazzjonijiet intensivi, iż-żewġt irġiel ġew identifikati u għaldaqstant kompliet it-tfittxija għalihom. Ilbieraħ waranofsinhar, il-Pulizija kellha informazzjoni fejn setgħu kienu, segwewhom, sakemm għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija 7:00 p.m ġew iċċirkondati f’Birkirkara.

Iż-żewġt irġiel, wieħed ta’ 32 sena residenti Raħal Ġdid u l-ieħor ta’ 43 sena residenti l-Imqabba, ġew arrestati.

L-Inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Fit-3 ta’ Novembru: Raġel bi ġrieħi gravi wara li ntlaqat minn arma tan-nar fil-Gżira

Raġel weġġa’ gravi wara li aktar kmieni dagħodu għall-ħabta tas-1:00 a.m intlaqat minn tir f’siequ waqt argument fil-Gżira. Il-każ seħħ Triq ix-Xatt, il-Gżira.

Minn investigazzjonijiet preliminari illli saru rriżulta li l-każ seħħ fi stabbiliment tax-xorb, fejn allegatament ir-raġel li ntlaqat kien involut f’argument ma’ żewġt irġiel oħra.

L-argument tkompla fuq barra tal-ħanut u kien hawn li allegatament wieħed miż-żewġt irġiel spara arma tan-nar fid-direzzjoni tal-ieħor, bl-aggressur u r-raġel l-ieħor li kien miegħu spiċċaw ħarbu minn fuq il-post

Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti lill-vittma u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura medika, fejn aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. 

Bħalissa l-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-aggressuri. Ll-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin sabiex tkun stabbilità l-identità ta’ l-irġiel involuti. 

B’rabta ma’ dan il-każ, hemm inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq.

Ekonomija

Sport