Tuesday, May 21, 2024

Żewġ Rumeni jammettu li serqu minn spiżerija f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Żewġ Rumeni ngħataw il-libertà kundizzjonata wara li tressqu l-Qorti fejn ammettew li lejn l-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena, serqu xi fwejjaħ u oġġetti ta’ valur minn spiżerija f’San Ġiljan.

Marius Fanel Ganal ta’ 36 sena li jinsab f’Malta fuq btala u George Bigu ta’ 40 sena residenti s-Swieqi u li jaħdem bħala xufier, wieġbu li huma ħatja għall-akkużi kollha miġjuba kontrihom. 

Id-Difiża, immexxija mill-Avukat Franco Debono, qalet li l-Qorti għandha tqis diversi fatturi, fosthom li ż-żewġ imputati għandhom kondotta nadifa, li kkoperaw mal-Pulizija u li qalu lill-Pulizija li lesti li jirritornaw l-flus kollha li serqu. 

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jonathan Ransley qalet li temmen li għandhom jingħataw sentenza sospiżi, minħabba n-natura tal-każ u l-fatt li wieħed minnhom ġie Malta bħala turist u spiċċa jisraq.

Filwaqt li sabithom ħatja tal-akkużi, il-Maġistrat Elaine Rizzo lliberathom bil-kundizzjoni li ma jwettqux reat ieħor fi żmien sentejn.

Sport