Tuesday, June 16, 2026

Żgħażagħ jispikkaw fil-Kampjonati Malta Open tal-Weightlifting

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Weightlifting organizzat b’suċċess il-Malta Open Championships fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa, f’kompetizzjoni li rat livell tekniku għoli u parteċipazzjoni rekord ta’ atleti żgħażagħ.

Wieħed mill-aktar riżultati impressjonanti wasal mingħand Nathan Mifsud, ta’ 16-il sena, li rebaħ il-kategorija Taħt is-17-il Sena (U17) wara li temm kompetizzjoni perfetta b’sitt tentattivi suċċessivi minn sitta. Fis-Snatch huwa refa 100kg, 103kg u 106kg, filwaqt li fil-Clean & Jerk irnexxielu jerfa 118kg, 121kg u 124kg. B’total ta’ 230kg u 336 punt Sinclair, Mifsud kiseb ukoll it-tieni post kemm fil-kategorija Junior kif ukoll f’dik tal-Kbar. Barra minn hekk, huwa stabbilixxa erba’ rekords nazzjonali ġodda.

Issa Mifsud jinsab fl-aħħar fażi tal-preparamenti tiegħu hekk kif fi żmien tliet ġimgħat se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonati Dinjija taż-Żgħażagħ fil-Kolombja.

Prestazzjoni oħra eċċellenti waslet mingħand Rylee Borg, li rebaħ kemm il-kategorija Junior kif ukoll dik Senior. Borg ukoll temm il-kompetizzjoni b’sitt tentattivi suċċessivi, b’total ta’ 290kg u 354 punt Sinclair. Huwa wkoll jinsab għaddej bil-preparamenti tiegħu għal diversi kompetizzjonijiet internazzjonali importanti fil-ġimgħat li ġejjin.

Fit-tieni post overall spiċċa Nathan Mifsud, filwaqt li Luke Stefan Micallef kiseb it-tielet post b’total ta’ 224kg u 330 punt. Nathaniel Fenech beda l-kompetizzjoni b’mod b’saħħtu b’107kg fis-Snatch u 140kg fil-Clean & Jerk, iżda sfortunatament falla t-tentattivi ta’ wara u temm fir-raba’ post b’total ta’ 247kg u 313 punt.

Fil-kompetizzjoni tan-nisa, Tenishia Thornton rebħet it-titlu tal-aqwa atleta femminili wara prestazzjoni perfetta ta’ sitt tentattivi minn sitta, b’total ta’ 186kg u 233 punt Sinclair. Rheanna Briffa wkoll kellha kompetizzjoni mill-aqwa biex spiċċat fit-tieni post b’total ta’ 128kg u 191 punt.

Fost il-kategoriji taż-żgħażagħ, Emily Livori rebħet il-kategorija U17 b’total ta’ 103kg u 160 punt, filwaqt li Gabriele Frendo kisbet l-ewwel post fil-kategorija U15 b’total ta’ 171kg u 233 punt.

Il-futur tal-weightlifting Malti deher promettenti wkoll fil-kategoriji Subien U12, fejn Danny Camilleri kiseb – 122 punt, Samir Geriwa – 100 punt u Matthias Zammit – 62 punt

Bniet U12, Cayenne Mizzi – 98 punt, Zeyah Vassallo – 83 punt, Ellie Mallia – 58 punt

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport