Monday, May 20, 2024

Żieda ta’ 38.1% fit-turisti li żaru Malta f’Marzu

Aqra wkoll

Marzu ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 38.1% fit-turisti li żaru pajjiżna u dan meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra.

L-NSO tirraporta li b’kollox hu stmat li f’Marzu ta’ din is-sena żaru pajjiżna 240,851 persuna li b’kollox għamlu 1,398,237 lejl. Fl-istess xahar kien hemm 214,826 li ġej pajjiżna għal vaganza filwaqt li 14,834 persuna ġej fuq negozju.

L-akbar ammont ta’ persuni kellhom bejn 25 u 44 sena hekk kif dawn kienu jammontaw għal 35.3%, filwaqt li 32.8% kellhom bejn 45 u 64 sena.

Ir-rapport jgħid li l-aktar persuni li żaru pajjiżna kienu ġejjin mir-Renju Unit, mil-Italja u mill-Polonja hekk kif dawn kollha flimkien kienu jammontaw għal 44.%.

Dwar l-iljieli li t-turisti għamlu f’pajjiżna, l-NSO tgħid li kien hemm żieda ta’ 32.2% meta mqabbel mal-istess xahar tal-2023. 89.5% tat-turisti raqdu f’akkomodazzoni mikrija.

Dwar in-nefqa, ir-rapport jgħid li dawn nefqu aktar minn €183.0 miljun li jifsser żieda ta’ 44.9% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Mit-turisti kollha li ġew f’pajjiżna kien hemm 49.4% b’total ta’ 118,987 persuna li marru Għawdex jew Kemmuna.

L-istess rapport jitkellem fuq l-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena fejn ġie nnutat żieda ta’ 31.3% fit-turisti li żaru pajjiżna meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. B’kollox żaru pajjiżna 581,839 persuna.

Bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena t-turisti li żaru pajjiżna nefqu €407.2 miljun li jfisser żieda ta’ 30.4% meta mqabbel bejn Jannar u Marzu tal-2023.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport