ŻRQ Bormla rebħu l-isfida diretta kontra Swieqi Futsal 4-3 sabiex baqgħu fit-tieni post tal-klassifika tal-Enemed Futsal League.
Ftit jiem qabel ma tibda t-tieni fażi ta’ din il-kompetizzjoni, din l-isfida kienet waħda ferm interessanti bi Swieqi li bdew tajjeb tant li stabilixxew vantaġġ ta’ tliet gowls bil-Bormliżi li baqgħu kalmi u saħansitra skorjaw erba’ gowls li tawhom ir-rebħa finali.
Brayan Stiven, Marcelo Alarcon u Ryan Muscat skorjaw għal Swieqi sabiex ŻRQ Bormla dawru l-iskor favurihom wara gowls ta’ Karl Luke Schembri, Jovica Milijic, Karl Sciortino u Jose Rodrigo.
Referees kienu Stephen Vella u Andrea Naudi.
Sadanittant, il-leaders tal-kampjonat baqgħu University of Malta ACJ Group li għelbu faċilment lil Sliema Futsal 13-1.
Gia Nikvashvili kien l-eroj għall-Universitarji meta skorja erba’ gowls, Paul Scerri, Zvezdan Vukovic u Raimundo Nonato kienu awturi ta’ doppjetta personali filwaqt li Melvin Borg, Stefan Camilleri u Aaron Montebello għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.
Kevin Sammut skorja l-uniku gowl għas-Slimiżi.
Referees kienu Andrea Naudi u Marco La Rosa.
Iċ-champions tal-futsal lokali Luxol kisbu rebħa faċli ta’ 6-0 kontra Ta’ Xbiex.
Kif mistenni, it-tim immexxi minn Gabriel Dobre iddomina l-partita fejn kienu diġa’ skorjaw tliet gowls sat-tmiem l-ewwel taqsima. Huma baqgħu jikkontrollaw sal-aħħar sabiex ħarġu bit-tliet punti minn dan il-konfront.
Jhon Anderson, Matthew Attard, Luke Gatt, Emil Raducu, Robert Stoyanov u awtogowl iddeċidew il-partita favur it-tim minn St Andrew’s.
Referees kienu Jude Amin Utulu u Stephen Vella.
Marsaskala Futsal komplew bit-triq tal-progress meta għelbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena 10-3.
Amir Ashtiyani skorja tliet gowls filwaqt li Craig Pickard u Pavlo Bekesha skorjaw doppjetta kull wieħed. Owen Duca, Ryan Pisani u Ismael Tabone tniżżlu wkoll fil-lista tal-iskorers.
Iż-żgħażagħ Maltin skorjaw permezz ta’ doppjetta ta’ Collin Sammut u gowl ieħor ta’ Mason Agius.
Referees kienu Danilo Francalanza u Marco La Rosa.
Gżira United Santa Margherita kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara li għelbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt it-18-il sena 7-3.
Felipe Andres Aguilera Linares kien il-protagonist ewlieni wara li skorja ħames gowls sabiex Yessous Camilleri u Bernard Sciberras komplew iżidu mal-iskor għall-Maroons.
Charles Emeric Colaud, Brave Azzopardi u Russell Borg skorjaw il-gowls għas-selezzjoni Maltija ta’ taħt it-18-il sena.
Referees kienu Andrea Naudi u Clint Cassar.
KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE
University of Malta ACJ Group 27, Luxol St Andrew’s, ŻRQ Bormla 25, Swieqi United FC Futsal 21, Birżebbuġa St Peter’s 18, Ta’ Xbiex Futsal Izola Bank 12, Selezzjoni Maltija U19 , Marsaskala Futsal 10, Selezzjoni Maltija U18 3, Gżira United Santa Margherita 3, Sliema Wanderers FC Futsal 2.