Monday, December 9, 2024

ŻVILUPP EKONOMIKU LI JWASSAL GĦAL AKTAR TKATTIR TA’ ĠID

Aqra wkoll

L-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet teċċella u tiżboq dik ta’ pajjiżi oħra Ewropej. Dan mhux qed ngħiduh aħna imma aġenziji ta’ kreditu internazzjonali u anke l-Kummissjoni Ewropea nfisha, li fl-aħħar tbassir tagħha rrevediet ‘il fuq it-tbassir ekonomiku għal Malta li huwa ħames darbiet aktar mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Iżda dan mhux biss. Għas-sentejn li ġejjin, Malta mistennija li jkollha wkoll l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Ir-rata mbassra għal Malta se tkun ta’ 4.3% kemm għall-2025 kif ukoll għall-2026. Fost kontributuri ewlenin li qegħdin iwasslu għal dan it-tkabbir hemm il-konsum privat u pubbliku qawwi megħjun mill-kontribut pożittiv tal-esportazzjonijiet netti.

Jekk wieħed iħares lejn l-aħħar rapport tal-KE, jissemma wkoll kif it-turiżmu kulma jmur qiegħed ikompli jikber filwaqt li r-rata tal-qgħad u l-inflazzjoni se jkomplu jonqsu għaż-żmien li ġej. Fil-fehma tagħna, dan kollu jixhed l-impenn tal-Gvern biex filwaqt li jara li l-ekonomija tkompli tikber u tespandi, ikompli jgħin ukoll lill-familji u lin-negozji fejn il-ġid li qiegħed jinħoloq jitqassam b’mod ġust ma’ kulħadd.

U huwa għalhekk li l-Gvern għaż-żmien li ġej qiegħed iħares aktar lejn l-iżvilupp ekonomiku aktar milli tkabbir ekonomiku. Żvilupp ekonomiku li jiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja fis-setturi kollha, mis-saħħa u l-ambjent, l-edukazzjoni u l-infrastruttura fost oħrajn.

Għalhekk ukoll li rapporti bħal dak tal-KE ixejnu għalkollox l-argumenti kollha tal-Partit Nazzjonalista illi l-mudell ekonomiku hemm bżonn jinbidel. Dan jgħiduh mingħajr ma jammettu li l-istess mudell ekonomiku sera tajjeb ħafna tant li qed iwassal għal tkabbir bla preċedent tal-ekonomija Maltija.

Huwa fatt li parti sostanzjali minn dan it-tkabbir ekonomiku qed imur għand in-nies u dan qed narawh ukoll permezz ta’ budgets soċjali wieħed wara l-ieħor li tista’ tgħid huma l-marka ta’ Gvern Laburista b’ruħ verament soċjali. Budgets bla taxxi u b’aktar inċentivi u miżuri li minnhom igawdu ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Fuq kollox issa l-enfasi trid tkun fuq il-kwalità, li tgħaqqad flimkien it-tkabbir ekonomiku ma’ inqas emissjonijiet, iż-żieda fl-investiment mal-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp infrastrutturali mat-tħaddir urban.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport