Sunday, July 5, 2026

1000 jum 

Aqra wkoll

Għaddew xejn inqas minn 1,000 jum minn mindu Iżrael beda l-gwerra sħiħa tiegħu fuq Gaża, wara li l-Ħamas wettqu attakk, qatlu għadd ta’ persuni u ħatfu oħrajn.

Kien attakk bla preċedent li wassal għal reazzjoni qawwija minn Iżrael. Skont informazzjoni li tingħata, għalkemm istatistika tvarja, hu stmat li l-attakk ta’ Iżrael fuq Gaża qatlu aktar minn 73,000 Palestinjan. Ma’ dawk imbagħad hemm 10,000 persuna neqsin, li ħafna minnhom huma maħsubin li huma midfuna taħt it-tifrik. Kienu snin ta’ attakki li fihom Gaża ġiet litteralment miknusa. Illum tara biss ħerba u tifrik. Hu stata li Iżrael waddab kważi kwart ta’ miljun tunnellata metrika ta’ splussivi fuq Gaża.

Xhur ilu kienu qalulna li intlaħaq ftehim. Ħafna ħarġu jikkummentaw u jċapċu. Jgħaddu ftit ġranet u Gaża reġgħet bdiet tiġi attakkata, għalkemm mhux bl-istess intensità ta’ qabel il-ftehim.  U waqt li għaddej dan skiet li jtarrax minn kulħadd. Fejn hi l-Unjoni Ewropea?  Fejn huma pajjiżi oħra tal-Punent li tant iżeffnu l-paċi fin-nofs?

U waqt li qegħdin ninmarkaw l-1,000 jum mindu bdew dawn l-attakki ma nistgħux ma niftakrux fit-tbatijiet li għaddej minnhom il-poplu Palestinjan b’mod partikolari dawk li jgħixu f’Gaża.  Fost dawn għandek it-tfal Palestinjani qegħdinj ikomplu jiffaċċjaw realtà ffurmata mill-qtil, il-ġuħ, l-orfni, u l-ispostament, fost il-kollass tas-sistemi ta’ protezzjoni u kura. Qegħdi jgħixu f’post li ħlief ħerba m’hemmx. 

U biex wieħed jara minn x’hiex għaddej it-tfal f’Gaża, wieħed kull m’għandu jara hu komm inqatlu tfal f’dawn l-1,000 jum. L-istatistika turi li xejn inqas minn 21,000 tifel u tifla inqatlu. 44,500 oħra kienu feruti f’Gaża.

U ara taħsbu li l-imwiet ta’ tfal waqfu mal-ftehim li kien tħabbar li sar. Filfatt il-vittmi ma waqfux anke wara li daħal fis-seħħ waqfien mill-ġlied fl-10 ta’ Ottubru 2025. Il-UNICEF fil-fatt iddikjarat li xejn inqas minn 265 tifel u tifla nqatlu u aktar minn 400 oħra indarbu minn mindu beda l-waqfien mill-ġlied. Dan ifisser medja ta’ kważi tifel wieħed maqtul kuljum.

Imma l-kriżi f’Gaża hi aktar profonda mini hekk. Apparti dawk maqtulin u midrubin, hemm aktar minn 58,000 tifel u tifla li tilfu ġenitur wieħed jew it-tnejn minn mindu bdiet il-gwerra, filwaqt li eluf kbar oħra qegħdin ibatu l-ġuħ. L-attakki bla waqfien tal-Gvern ta’ Netanyahu ħalliet effetti psikoloġiċi tremendi psikoloġiċi fuq ġenerazzjoni sħiħa. M’hemm ebda dubju li din hi ġenerazzjoni mitlufa.

Kien sar rapport dettaljat, intitolat  “Mill-Ekonomija tal-Okkupazzjoni għall-Ekonomija tal-Ġenoċidju’, ippreżentat lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Kien rapport li implika li kumpaniji li mhux biss ħallew lil Iżrael isostni u jestendi l-gwerra u l-ġenoċidju tiegħu kontra l-Palestinjani, iżda wkoll jikkonfronta lil dawk li baqgħu siekta quddiem dak li qed iseħħ. 

Hi sitwazzjoni li turi fallimenti sħaħ. Turik għaliex il-kunflitt baqa’ għaddej. Mhux għax ħadd ma kien konxju li hemm min qiegħed jagħmel il-profitti minn fuq it-tbatija kbira li għaddejjin minnha l-Palestinjani.

L-attakki tal-Gvern ta’ Netanyahu fuq Gaża, anki meta suppost intlaħaq il-ftehim jurik b’mod ċar ħafna il-falliment tan-Nazzjonijiet Uniti. Falliment li issa ilu għaddej għal diversi xhur.  Jurik il-falliment tal-Unjoni Ewropea. Jurik fuq kollox kemm hi kbira l-pressjoni li hemm biex il-kunflitt jibqa’ għaddej. Biex jibqgħu jiġu prodotti u nżati l-armi fuq Gaża. 

Traġedja umana li fiha jispikka is-skiet. Gvernijiet Ewropej u oħrajn madwar id-dinja siktin għal kollox fuq dak li għaddej.  

Il-mistqosija hi ċara. Meta se tieqaf din il-kriżi umana? Meta se tieqaf din it-tbatija għal dawn in-nies? Min se jerfa’ responsabbilità għal dan il-qtil tal-innoċenti. Li jissorprendik hu kif kulħadd hu sieket u qiegħed idawwar wiċċu in-naħa l-oħra.  Daqs li kieku ma jafux x’qed jiġri. U waqt li jagħmlu hekk it-traġedja umana tkompli għaddejja. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport